Pumpiera mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li s-Sibt filgħaxija ssieltu biex jitfu n-nirien fil-Miżieb, talbu għall-assistenza tal-Pulizija, wara li allegatament lemħu xi nies jiġru ’l barra miż-żona, li kienet reġgħet tkebbset bin-nirien f’dan is-sit tan-Natura 2000.
Il-pumpiera reġgħu ssejħu fil-Masġar wara li qattgħu l-jum tas-Sibt jikkontrollaw in-nirien f’żona ta’ madwar ħamsin tomna ta’ art.
Erbgħa u għoxrin siegħa wara dan il-każ, ONE News żar l-istazzjon tat-tifi tan-nar ta’ Kordin.
Timothy Willie, il-Leading Rescue Officer ta’ dan l-istazzjon, spjega li ħafna minn dawn it-tip ta’ nirien jitkebbsu kawża ta’ negliġenza jew saħansitra jitqabbdu apposta.
“ĠIELI JKOLLNA NIES TAL-GĦELIEQI JKOLLHOM ĦAFNA ĦAXIX ĦAŻIN, IQABBDUH JOĦODHOM IR-RIĦ, L-ĠMAMAR JIMXU WARA XULXIN U JQABBAD AREAS OĦRA. DIK WAĦDA MIN-NEGLIĠENZA LI AĦNA NARAW. APPARTI MINN HEKK IKUN HEMM ĦAFNA NIES LI JAGĦMLU BBQS TAĦT IS-SIĠAR LI NAPPELLAW LI MA JAGĦMLUX DAWN L-AFFARIJIET”
Huwa appella għal aktar responsabbiltà, hekk kif biex jintfew nirien ta’ dan it-tip, id-Dipartiment jiddedika ammont kbir ta’ ħaddiema u voluntiera.
“IL-PERIKLU TAGĦNA HIJA LI TINQALA’ EMERĠENZA, JKOLLNA N-NIES IKKONĊENTRATI FUQ IL-ĦAXIX, JITFU ĦAXIX ĦAŻIN U JKOLLNA APPARTAMENT QED JAQBAD BIN-NIES MAQBUDA U AĦNA S-SERVIZZ TAGĦNA JKUN INEFFIĊJENTI.”
Minbarra l-pressjoni kbira fuq ir-riżors uman, nirien bħal dawn ipoġġu wkoll pressjoni fuq l-appart tal-Protezzjoni Ċivili.
Timothy spjega li fuq nar ta’ daqs konsiderevoli, il-pumpiera jużaw eluf kbar ta’ litri ta’ ilma, u meta n-nar ikun kbir tkun meħtieġa l-assistenza tal-privat.
“BĦALA SUPPLY TA’ ILMA D-DIPARTIMENT INVESTA F’VETTURI ĠODDA, QABEL KONNA NSEJĦU L-PRIVAT ISSA GĦALL-GRAZZJA T’ALLA GĦANDNA BIEX NAĦDMU IMBAGĦAD JEKK NIĠU DAHRNA MAL-ĦAJT XORTA NAQILGĦU LILL-TAL-PRIVAT”
Lil’hinn mill-involviment tan-nies, l-elementi naturali wkoll jistgħu jikkontribwixxu għall-inċidenti.
“KELLNA XITWA KIEFRA ALLURA ĦAFNA ILMA U L-ĦAXIX KIBER AKTAR OVJAMENT FIS-SAJF IMBAGĦAD JINXEF IMBAGĦAD OVJAMENT JAQBAD IL-ĦAXIX ĦAŻIN UKOLL.”
Il-pumpier appella wkoll lil dawk li għandhom ir-raba’ biex jaqtgħu l-ħaxix ħażin li jkun nixef ħalli jevitaw il-ħsara u l-inċidenti.