Baċir Numru 1 f’Bormla, is-Sibt filgħaxija nbidel f’teatru hekk kif sar spettaklu li ura l-istorja tal-Belt Cospicua u tal-poplu tagħha matul iż-żminijiet.
Bl-isem ‘Taħt Ħarstek Nistkennu’, l-ispettaklu awdjoviżiv kien magħmul mir-reċta; mużika, b’diversi innijiet mużikali magħrufin mal-Bormliżi; proġezzjonijiet mal-faċċatta tal-Knisja ta’ Bormla u spettaklu ta’ nar sinkronizzat mal-mużika.
L-ispettaklu li dam ftit aktar min siegħa sar hekk kif din is-sena, il-Belt ta’ Bormla qed tfakkar il-ħamsa u sebgħin sena min meta l-istatwa tutulari u l-kwadru titular tal-Immakulata Kunċizzjoni rritornaw f’Bormla, hekk kif matul il-Gwerra dawn l-opri artistiċi ħadu l-kenn tagħhom ġewwa l-Bażilika ta’ Sant’ Elena f’Birkirkara – ‘il bogħod mill-attakki tal-gwerra.
L-ispettaklu tas-Sibt kien wieħed miktub minn Ġorġ Peresso u s-siltiet mużikali miktuba mill-Maestro Joe Brown.