Ibrahim Mohammed, Sirjan ta’ 20 sena residenti Ħal Qormi, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li kien mixli li fil-21 ta’ Ġunju seraq €1,300 fi flus kontanti għad-danni ta’ Burton u Ryan Azzopardi. Mohammed kien riċediv.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, l-avukat difensur talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Hubert Cini laqgħet it-talba bil-kundizzjoni li l-imputat ma jagħmel l-ebda kuntatt mal-allegat vittmi.
Il-Qorti pperseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo talbet ordni ta’ protezzjoni għall-allegat vittmi filwaqt li laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li ma jagħmilx kuntatt ma’ Burton u Ryan Azzopardi. Il-Qorti imponiet aktar kundizzjonijiet fuq l-imputat: li jattendi kull darba li jkun ordnat jattendi l-Qorti; ma jistax isiefer jekk mhux bil-kunsens tal-Qorti; ma jistax ikellem lix-xhieda; ma jistax iwettaq reat ieħor sakemm jinqata’ l-każ; jirrapport l-għassa ta’ Ħal Qormi kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa bejn it-tmienja ta’ filgħodu u t-tmienja ta’ filgħaxija; u ma jistax joħroġ barra mid-dar bejn id-9 ta’ filgħaxija u s-6 ta’ filgħodu.
Il-Qorti imponiet garanzija personali ta’ €5,500, kif ukoll jekk jikser il-kundizzjoni li jagħmel kuntatt mal-allegat vittmi jeħel multa li tammonta għal €7,000 kif ukoll sitt xhur ħabs.