F’Laqgħa Ġenerali Straordinarja li l-Kamra tal-Periti laqqgħet fl-isfond tas-sospensjoni tax-xogħolijiet ta’ skavar u twaqqigħ, il-Periti sostnew li s-sigurtà tan-nies għandha tiġi l-ewwel.
Kien il-Gvern ordna s-sospensjonijiet tax-xogħol wara sensiela ta’ inċidenti li involvew tiġrif ta’ bini.
Minn hemm nieda konsultazzjoni pubblika li għalqet ilbieraħ.
B’mod partikolari, waqt il-laqgħa saret enfasi fuq il-Kodiċi Ċivili ta’ Malta li tindika li hemm żewġ figuri li huma responsabbli għal xogħol ta’ kostruzzjoni, li huma l-Perit u l-Kuntrattur.
Għalhekk, l-irwol tas-Site Manager kif kontemplat fl-Avviż Legali, jista biss ikun parti mil-qafas tal-Kuntrattur, għaliex hu l-Kuntrattur li, skond il-liġi, irid jifhem u jsegwi l-istruzzjonijiet tal-Perit, u jkun kapaċi jifhem is-sinifikat ta’ tali struzzjonijiet.
“Il-Periti, min-naħa loħra, iridu jerfgħu r-responsabbilta’ għal kull meta kienu negliġenti, jew ma eżerċitawx biżżejjed għaqal fix-xogħol tagħhom”, saħqet il-Kamra tal-Periti.