Palestinjan inħeles mill-akkużi miġjuba kontrih dwar li aggredixxa u hedded żewġ nisa wara li dawn l-istess nisa rrifjutaw li jitilgħu jixhdu kontrih.
Saad El Hazzewi Muammar ta’ erbgħa u tletin sena kien mixli li attakka lill-eks sieħba tiegħu u li kkaġuna ħsarat f’darha f’Ħaż-Żabbar, f’Ottubru tas-sena l-oħra.
Huwa kien mixli wkoll li hedded mara oħra.
Social Worker li kienet xehdet fil-Qorti sostniet li darba l-akkużat dam iħabbat il-bieb tad-dar tal-eks sieħba jitlob biex jara lil ibnu u kif daħal kisser vażun u kellu argument jaħraq fuq flus mal-eks sieħba.
Is-Social Worker spjegat kif saħansitra r-raġel ta bir-ras lil mar u qatgħalha ħwejjiġha.
Tabib kien anki eżamina lil mara u nduna b’feriti f’wiċċha kawża tal-vjolenza użata kontriha.
Madankollu peress li n-nisa ma jridux jixhdu kontra r-raġel, huwa inħeles minn kull akkuża.