Sqalli nżamm arrestat wara li ġie mixli li fl-aħħar ta’ Mejju li għadda wettaq hold-up f’ħanut u żamm anzjan kontra l-volonta tiegħu permezz ta’ sikkina.
Sandro Lo Presti ta’ erbgħa u erbgħin sena, tressaq quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo u kien jinsab fuq libertà proviżorja wara akkużi li s-sena l-oħra pprova jittraffika erbgħin kilo ta’ kannabis.
Fil-Qorti ntqal li l-anzjan ta’ sebgħa u sebgħin sena kien qed jagħmilha ta’ kaxxier f’supermarket f’San Pawl il-Baħar.
Il-pulizija sostniet li seba’ minuti qabel ġrat is-serqa, l-lokazzjoni tal-mobile tal-allegat ħalliel kienet qed timmarka fil-ħanut madankollu l-Isqalli tefa’ l-mobile u xegħlu wara li daħal lura fl-appartament.
Hawnhekk id-difiża pruvat ixejjen dawn l-argumenti għaliex sostniet li l-klijent tagħha jgħix viċin il-ħanut.
Fil-Qorti ġie spjegat ukoll li l-persuna li daħlet mgħammda biex tisraq tkellmekt bit-Taljan b’aċċent minn Ragusa.