Il-Qorti tal-Appell irtirat il-permess lill-grupp tad-DB għall-iżvilupp ta’ proġett ta’ lukanda u binja kummerċjali magħrufa bħala City Centre, biswit il-bajja ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan.
Id-deċiżjoni tal-Qorti ġiet wara kawża li fetħu tliet kunsilli lokali u numru ta’ għaqdiet mhux governattivi fost l-oħrajn fejn argumentaw li fil-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, li approva dan l-iżvilupp kien hemm persuna li kellu kunflitt ta’ interess.
Il-każ idur ma’ Matthew Pace, li huwa sid ta’ aġenzija tal-bejgħ u kiri ta’ propjetajiet u li l-kumpanija tiegħu bdiet tirreklama l-bejgħ ta’ appartamenti tal-proġett inkwistjoni.
Jirriżulta li l-kumpanija ta’ Pace kienet qed tagħmel dawn ir-reklami qabel ittieħed il-vot mill-bord li kien approva l-proġett b’10 voti kontra erbgħa.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li l-membri tal-bord għandhom jaraw il-pożizzjoni tagħhom jekk hiex tennibli qabel jiġu biex jiddeċiedu fuq proġett.