“Bħala tabib u missier għandi r-riżervi kbar tiegħi dwar kemm huwa għaqli li wieħed jippermetti u jestendi l-użu legali tal-kannabis minbarra għar-raġunijiet ta’ kura. Għandna noqogħdu fuq il-pariri tal-esperti f’dan ir-rigward”.
Il-President George Vella qal dan meta kien qed jagħmel id-diskors tal-għeluq fil-konferenza nazzjonali ‘Id-droga u s-saħħa mentali’ organizzata mill-Fondazzjoni OASI u mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar.
Sostna li l-użu tad-droga u s-saħħa mentali ma jibdewx u ma jiqfux f’daqqa jew f’iżolament iżda huma mixja kontinwa bit-tlajja’ u bl-inżul tagħha. Il-President Vella qal li huwa żball li nħarsu lejn nies bi problemi ta’ droga jew ta’ saħħa mentali bħala nies differenti jew inferjuri mill-kumplament tas-soċjetà.
Il-President irringrazzja lill-familjari tal-persuni li għaddejjin minn dawn l-isfidi u lill-ħaddiema kollha, speċjalment lill-voluntiera, fosthom dawk li jaħdmu mal-OASI, tal-għajnuna professjonali, tal-edukazzjoni ħolistika u tas-sostenn li jagħtu lill-individwi li jistgħu jgħixu ħajja aħjar u jerġgħu jibdew ikunu parteċipi fiċ-ċrieki soċjali u fil-komunità.
Il-President tenna li s-saħħa mentali se tkun prijorità tul il-Presidenza u qal li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex flimkien mal-Kummissarju tas-Saħħa Mentali tittella’ konferenza nazzjonali bil-għan li titkisser l-istigma assoċjata mas-saħħa mentali u jingħata bidu għal djalogu iktar miftuħ fuq dan is-suġġett.