F’rapport dwar l-iskema ta’ ħidma komunitarja li l-Awditur Ġenerali ppreżenta lill-Ispeaker tal-Parlament instab li din kienet ekonomikament vijabbli.
Dik magħrufa bħala l-Community Work Scheme kienet inizjattiva marbuta mas-suq tax-xogħol u li daħlet fis-seħħ primarjament sabiex ittejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg għall-persuni żvantaġġati fis-soċjetà.
L-Awditur saħaq li għalkemm kien hemm xi riskji assoċjati ma’ din l-Iskema, xorta waħda nstab li kienet ekonomikament vijabbli.
“L-iskema ssodisfatt ukoll kriterji makroekonomiċi fejn l-impjiegi ġġenerati mill-Iskema kkontribwixxew għal żieda fil-finanzi tal-Gvern u tkabbir ekonomiku”, saħaq bi kliem iswed fuq l-abjad l-Awditur Charles Deguara.
F’din l-iskema, bejn 2016 u l-2018 daħlu 839 ħaddiem bl-ispiża tal-Gvern laħqet tletin miljun ewro.
Dwar il-ħaddiema li bbenefikaw minn din l-iskema, l-Awditur Ġenerali qal hekk, “Il-839 parteċipant ġew allokati f’diversi entitatjiet skont id-diversi kompetenzi tagħhom.”
Fuq din l-iskema li issa l-Awditur Ġenerali ħareġ li il-frott ekonomikament kienet saret diversi kritika fil-konfront tal-Gvern u l-General Workers’ Union.
Il-GWU operat din l-iskema u dwar dan l-awditur saħaq li ntgħażlet għax kellha l-irħas offerta.