Kompliet il-kumpilazzjoni dwar il-qtil doppju tal-omm u l-bint, Maria Lourdes u Angele Bonnici f’Ħal Għaxaq.
L-esperta tal-forensika, Marie Therese Camilleri qalet li l-bint u l-omm sofrew ġrieħi gravi f’rashom minħabba t-tiri li sparalhom Joseph Bonnici kif ukoll minħabba daqqiet oħra li qalgħu f’rashom.
L-esperta kkonkludiet li l-omm u l-bint qalgħu daqqa f’rashom b’xi ħaġa tqila.
Mistoqsija biex setgħu qalgħu d-daqqa, l-esperta qalet li ma setgħetx tgħid billi l-ġrieħi tant kienu estensivi li rashom tfarrket biċċiet.
Il-każ seħħ f’Marzu li għadda meta l-omm u l-bint ġew irrappurtati nieqsa u sussegwentament instabu midfuna f’għalqa fl-istess lokalità ftit tal-jiem wara.
Joseph Bonnici li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ ommu u oħtu, qed jiċħad l-akkużi kollha miġjuba kontrih. Il-każ ikompli jinstema’ fid-29 ta’ Lulju li ġej.