Il-Prim Ministru enfasizza waqt intervista fuq ONE Radio li “permezz tal-Malta Air, Malta se tkun tista’ tidħol fi swieq oħra, fejn sal-lum ‘il ġurnata, ma għandniex is-saħħa li nidħlu fihom.”
Tkellem dwar kif ir-Ryan Air issa għandhom strateġija Ewropea ġdida, li minflok ikollhom kumpanija waħda kbira fl-Irlanda, qegħdin jifirxu fuq erba’ kumpaniji – waħda fl-Irlanda, waħda fil-Polonja, waħda fl-Awstrija, fl-Irlanda u Malta.
Joseph Muscat fakkar kif ir-Ryan Air diġa’ għandhom bażi b’saħħitha f’Malta u issa minn “sitt ajruplani se jżiduhom għal għaxar ajruplani u bl-iskop li jkun hemm mal-ħamsin ajruplan ieħor li qegħdin illum ‘il ġurnata f’pajjiżi oħra Ewropej, li jitneħħew mir-reġistru ta’ dawk il-pajjiżi u li jinġabu dir-reġistru Malti. Waħdu, dak iwassal investiment ta’ madwar biljun f’Malta.”
Muscat tenna li minflok ir-Ryan Air telqu għal rashom, tkellmu mal-Gvern kif jista’ jkollna sinerġiji u kif nistgħu naħdmu flimkien. U ġie deċiż li nagħmlu kumpanija flimkien, fejn tkun kumpanija tar-Ryan Air, imma jkollna golden share, jiġifieri sehem wieħed li l-valur nominali tiegħu m’huwiex kbir imma għandu sħħa kbira.
Il-Prim Ministru għamilha ċara li dan mhu se jfixkel xejn ix-xogħol tal-Air Malta. Għall-kuntrarju, ix-xogħol tal-Air Malta fis-snin li ġejjin se tkun mhux biss li tibqa’ l-linja tal-ajru ta’ Malta imma l-linja tal-ajru tal-Mediterran.