Intervista fil-gazzetta KULLĦADD insibu mal-Psikologa Dr. Olivia Galea Seychell dwar kundizzjoni rari li forsi ftit nisimgħu biha. Hija relatata mal-moħħ. Kumplessa imma Dr. Galea Seychell, li tispeċjalizza fl-Irlen screening u tgħallem l-Università, tispjegalna dwarha b’mod sempliċi u fid-dettall.
X’inhi l-Irlen Syndrome?
L-Irlen Syndrome hija kundizzjoni li taffettwa lil numru ta’ nies u l-effett tagħha jidher meta persuni jkollhom diffikultajiet ta’ qari però mhux biss. Il-persuna tista’ turi diffikultajiet fil-koordinazzjoni jiġifieri meta tigi biex timxi taħbat mal-affarijiet. F’każijiet iktar severi il-persuna jista’ jkollha wkoll diffikultajiet bħal uġigħ kbir ta’ ras jew problema biex tagħraf lin-nies u tifhem id-dinja madwarha. Dan kollu jseħħ minħabba li l-persuna jkollha diffikultà kif il-moħħ tagħha jinterpreta dik l-informazzjoni li tidħol mill-għajnejn. Għalhekk l-Irlen Syndrome mhijiex xi kundizzjoni tal-għajn imma tal-moħħ. Bosta drabi persuna lanqas biss ikollha bżonn nuċċali għax ikollha vista tajba imma xorta waħda jkollha l-Irlen Syndrome. Din hija kundizzjoni li tista’ titwieled biha però hemm każijiet ukoll meta kundizzjoni bħal din tiġi għax persuna f ’każ ta’ xi inċident tkun laqtet rasha u b’hekk jiġi affettwat il-moħħ. Għalkemm l-Irlen Syndrome hija kundizzjoni waħedha, ħafna drabi din il-kundizzjoni nsibuha flimkien ma’ kundizzjonijiet oħra, bħad-dyslexia, l-adhd (attention deficit hyperactivity disorder) u l-awtiżmu fost oħrajn.
Kif wasalt għall-għarfien ta’ din it-tip ta’ kundizzjoni?
Din il-kundizzjoni fil-fatt ġiet identifikata minn Helen Irlen. Helen Irlen ilha taħdem bosta snin fl-Amerka permezz ta’ riċerka dwar din il-kundizzjoni. Fil-fatt bdiet fit-tmeninijiet u kompliet taħdem bis-sħiħ f ’dan il-qasam. Fid-disgħinjiet jien kont nistudja l-Università ta’ Minnesota, l-Amerka. Kont studenta fil-Dipartiment tal-Psikoloġija u huwa hawnhekk li kont smajt biha. Dan kien l-annu 1995. Dak iż-żmien ma kellix l-għarfien li għandi illum. Però snin wara meta erġajt ġejt lura Malta bdejt nara każijiet ta’ tfal b’diffikultajiet sensorjali u bdejt ninnota li fi wħud minnhom id-diffikultà kienet dik li aħna insejħulha visual perception. Dan kien bejn l-2007 u l-2016. Minn hawnhekk għamilt kuntatt ma’ Jean Felton li hija diagnostician tal-Irlen Syndrome li tagħmel bosta visti f ’pajjiżi differenti. Meta tkellimna hija kienet lesta li tiġi Malta. Fil-fatt grazzi għal Jean Felton illum hawn dawk li jissejħu screeners li ħarrġet hi personalment. Jien fil-fatt waħda mill-ewwel screeners.
Taħseb li hawn għarfien biżżejjed f ’pajjiżna, kif ukoll metodi li nittrattawha b’mod tajjeb?
Dejjem hemm bżonn ta’ ħafna għarfien. Mhux l-ewwel darba li ninnota persuni li jista’ jkollhom l-Irlen Syndrome. Ovvjament mhux se taqbad u tgħidilhom imma tinfurmahom biha. Ħafna drabi ħafna minnies iħawdu l-Irlen Syndrome mad-dyslexia. U huwa għalhekk li huwa importanti li nkomplu ninfurmaw aktar lill-pubbliku. Huwa minnu li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jistgħu jinstabu t-tnejn f ’persuna imma t-trattament tagħhom mhuwiex l-istess u jekk ma tindirizzax il-kundizzjoni tal-Irlen Syndrome tista’ ma tarax daqshekk żvilupp fil-persuna. Bħala professjonisti aħna dejjem inkunu rridu nagħmlu assessjar sew. L-ewwel fażi hija screening. Dan iseħħ skond proċeduri ċari u hawnhekk nużaw overlays ukoll biex nagħrfu jekk il-kulur jistax jagħmel differenza għall-persuna. Tajjeb li ngħidu li l-kulur ħa jvarja bejn persuna u oħra u anke l-istess persuna se jkollha varjazzjoni. Dan iseħħ minħabba li l-moħħ jgħaddi minn kambjament fosthom żvilupp tal-persuna, stress, medikazzjoni. L-overlays jgħinu jekk se tiġi biex taqra bħal pereżempju fuq ktieb imma mhux se jgħin f ’każ li inti trid tara minn fuq l-interactive whiteboard, jew int u mixi, jew int u ssuq jew biex tagħraf l-uċuħ jew meta jkollok uġigħ ta’ ras. U huwa għalhekk li llum hemm l-ispectral filters u l-contact lenses. Hemm iktar minn 100,000 kombinazzjoni ta’ kulur. Il-proċedura hija kumplessa u biex tasal għall-aħjar kulur jew kuluri huwa l-irwol ta’ diagnostician li fil-każ ta’ Malta hija Ms. Jean Felton.
Xi jħossu dawk li jkollhom din il-kundizzjoni?
Ħafna drabi dawn il-persuni jsemmu li jbatu minn uġigħ ta’ ras. Però mhux biss, hemm min jgħid li jibda jistordi meta jaqra jew li ma jissaportix jaqra għax jibdew jaraw kliem jiċċaqalqu. Fil-fatt jogħrku ħafna għajnejhom jew għajnejhom idemmgħu. Hemm min ikun light sensitive jiġifieri jdejqu d-dawl tax-xemx. Fil-fatt tarahom lanqas ikunu jistgħu jiftħu għajnejhom. Hemm min jistordi fil-karozza. Mhux l-ewwel darba li t-tfal jew l-adulti jkunu hyperactive għax isibuha diffiċli biex jaqraw. Każijiet oħra naraw persuni li jkollhom sensory overload. Il-mod ta’ kif ikunu qed jaraw id-dinja ta’ madwarhom huwa differenti ħafna minna, bħal qisek qed tgħix ġo 3D film u tista’ tara affarijiet ġejjin għalik. F’dawn il-każijiet ikollhom problemi ta’ koordinazzjoni u għalhekk jaħbtu ma’ oġġetti madwarhom. Hemm oħrajn li kif għidt ma jagħrfux l-uċuħ.
X’ inhu s-suġġeriment tiegħek għal dawk li għandhom xi ħadd fil-familja li għandu din il-kundizzjoni?
Huwa importanti ħafna li wieħed ifittex l-għajnuna għax f ’bosta mill-każijiet id-differenza għall-persuna tista’ tkun kbira. Bħal per ezempju li jirnexxilek taqra mingħajr ma jkollok uġigħ ta’ ras jew li tħoss il-bżonn li trid tiċċaqlaq bilfors. Li tista’ timxi fit-triq jew issuq u tħossok safe. Li jirnexxilek taghraf il-persuni jew tifhem sew id-dinja ta’ madwarek u għalhekk tħossok inqas stressjat għax qed tinduna x’hemm madwarek. Wieħed jista’ jibda bl-iscreening u jekk mill-iscreening joħroġ li l-metodu tal-Irlen jista’ jkun effettiv huwa dejjem aħjar li tmur għall-ispectral filters. Huwa tajjeb li tagħmel il-pass u tagħraf din il-kundizzjoni mingħajr ma tibża’.