Monsinjur Charles Vella ħeġġeġ lill-awtoritajiet ekkleżjastiċi għal stazzjon tat-televixin b’prinċipji u valuri Kattoliċi. Hawnhekk fakkar kliem l-Isqof t’Għawdex Nikol Cauchi, li għad jasal żmien meta jkun jeħtieġ dan it-tip ta’ mezz ta’ komunikazzjoni.
Dan stqarru f’waħda mill-ittri lill-editur f’gazzetta lokali meta kien qed jirreaġixxi għal ittra oħra. Fost l-oħrajn ma qabilx li l-RTK huwa r-radju uffiċjali tal-Knisja. “Għalkemm huwa ispirat minn prinċipji kattoliċi, mhuwiex l-organu uffiċjali (tagħha),” stqarr Vella.
Il-Monsinjur kompla jgħid li l-istazzjon tar-radju għandu joqgħod ’il bogħod mill-politika tal-partiti, u l-politiċi m’għandhomx jindaħlu, kif ġara taħt it-tmexxija tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca. “Minkejja dan, id-dimensjoni tal-Knisja fid-dinja tal-lum, RTK ma jistax joqgħod lura milli jittrażmetti l-informazzjoni, u f’ġieħ il-libertà tal-espressjoni, jikkummenta u jesprimi t-tħassib tiegħu. It-televixin u r-radju tal-Vatikan, ngħidu aħna, għandhom dan it-tip ta’ kontenut.”