Grupp ta’ 45 drummer ingħaqad fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, fejn ta sorpriża lil bosta persuni li nzertaw għaddejjin b’rappreżentazzjoni mużikali live. Dan huwa l-grupp Belġjan Kortrijk Drumt, li jivvjaġġa madwar id-dinja u jaqsam messaġġ ta’ kooperazzjoni, xogħol f’tim, diversità u għaqda.
Fost dawk li laqgħu lil dawn il-mużiċisti f’Beltna kien hemm il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, li faħħar din l-inizjattiva innovattiva li għandha l-għan li tippromwovi kultura inklussiva u aċċessibbli permezz ta’ xi ħaġa li qatt ma saret qabel fil-belt kapitali tagħna.
Huwa spjega li l-istrateġija tal-Ministeru hija li jiżgura li l-kultura u l-arti jkunu verament aċċessibbli għal kulħadd. B’dan il-mod tinħoloq pjattaforma unika għall-artisti lokali biex jimirħu fit-talenti tagħhom, filwaqt li jwassal prodott ta’ kwalità lill-udjenza. Dan billi jingħataw opportunitajiet anke lil artisti lokali bħal ma kien il-każ fl-ispettaklu Sette, li qed jittella’ bħalissa fil-Forti Sant’ Iermu, fejn il-grupp lokali The New Victorians qed jgħidu l-istorja tas-Sette Giugno bil-mużika u t-teatru. Il-Ministru Bonnici qal li din it-taħlita ta’ talent tkompli tmexxi ‘l quddiem il-kultura fil-Belt Valletta.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li huwa ta’ unur għall-Belt Valletta li tkun fost l-ibliet li fihom ta spettaklu l-grupp internazzjonali Kontrijk Drumt. Huwa qal li din hija l-ewwel rappreżentazzjoni tax-xorta tagħha fil-Belt, fejn numru daqshekk kbir ta’ drummers ingħaqdu biex taw ħajja lil waħda mill-pjazez ewlenin tal-belt kapitali. Huwa żied jgħid ukoll li l-parteċipazzjoni u l-għaqda fost il-komunità Beltija u anke fost dawk li jżuru l-Belt huma prijorità għall-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Micallef spjega li din l-attività hija parti mill-programm kulturali l-ġdid għall-Belt Valletta.
Il-grupp Kortrijk Drumt bħalissa jinsab f’Malta bħala parti minn DrumFest Festival 2019. Dan se jkompli fil-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali s-Sibt filgħaxija.