Kmieni l-Ġimgħa filgħodu ir-residenti tal-blokka St Peter’s Flats f’Gwardamanġa li l-bieraħ ġġarfilha ħajt waqt li kienu qed isiru xogħlijiet ta’ kostruzzjoni f’sit biswit il-blokka daħlu fid-djar tagħhom sabiex ħarġu l-aktar affarijiet neċessarji.
Fil-preżenza ta’ membri tal-Protezzjoni Ċivili taħt Il-gwida tal-Perit tad-Dipartiment ir-residenti ħarġu numru ta’ annimali, ħwejjeġ u dokumenti personali li kienu għadhom fl-appartamenti wara l-inċident tal-bieraħ. Fost il-hwejjeg li nħarġu kien hemm ukoll it-tibdila tal-praċett ta’ waħda mir-residenti.
Minn informazzjoni li kiseb one.com.mt jidher li l-kuntrattur li kien qed iħaffer is-sit maġenb il-blokka offra kamra f’lukanda lil kull familja li kienet tgħix f’din il-blokka. Nifhmu li dan huwa arranġament temporanju sakemm jinstabilhom post aktar adattat fil-viċinanzi ta’ Gwardamanġa.