Illum qed jiltaqgħu f ’pajjiżna l-mexxejja ta’ seba’ pajjiżi Ewropej li lkoll jinsabu fin-naħa ta’ isfel tal-Unjoni Ewropea.
Dan meta Malta qed tospita dak magħruf bħala South EU Summit.
Minbarra Malta l-pajjiżi li jieħdu sehem f ’dan is-summit huma l-Italja, Spanja, Franza, il-Portugall, il-Greċja u Ċipru.
Is-summit qed jiltaqa’ fi żmien kritiku għall-Unjoni Ewropea, proprju ftit tal-ġimgħat wara li l-poplu Ewropew ivvota f ’elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u f ’mument fejn qed ikompli jgħolli rasu l-fenomenu tal-immigrazzjoni irregolari bl-inkwiet fil-Libja issa sar sors ta’ pressjoni ikbar fuq dan is-suġġett.
Din hija s-sitt darba li dawn il-pajjiżi qed jiltaqgħu flimkien f ’dan il-format bil-għan li jsaħħu l-koperazzjoni ta’ bejniethom.
Fost oħrajn il-koperazzjoni ekonomika, iżda wkoll il-ħtieġa li tkun diskussa l-istabbiltà fir-reġjun u fil-blokk Ewropew kollu kemm hu li bħalissa qed jiffaċja l-isfida ta’ Brexit.
Kien f ’Ateni, f ’Settembru 2016, li wara l-ewwel laqgħa ta’ dan it-tip il-mexxejja tal-pajjiżi involuti ffirmaw dikjarazzjoni li minnha nbniet il-bażi għal dan id-djalogu fl-ogħla livell ta’ tmexxija.
Djalogu li jirrikonoxxi dak li dawn il-pajjiżi għandhom komuni u kif ma jistax ikun hemm progress fil-komunità Ewropea mingħajr l-iżvilupp u l-paċi f ’dawn il-pajjiżi.
Fil-fatt, dawn is-seba’ pajjiżi llum għandhom kważSi 40% tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-prodott domestiku gross, flimkien ma’ nofs il-kosta li għandha l-Unjoni Ewropea.