Il-Kumitat tal-Partit Nazzjonalista tal-Mosta approva b’mod unanimu mozzjoni biex il-Kap Nazzjonalisti Adrian Delia u t-tmexxija tal-Partit jirriżenjaw u jerfgħu r-responsabilità politika għaż-żewġ telfiet elettorali li ġarrab il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.
Sorsi fil-kumitat Nazzjonalista tal-Mosta qalulna li l-Erbgħa filgħaxija fil-laqgħa tal-kumitat qablu li l-kumitat għandu jirreaġixxi u jieħu vot dwar il-kriżi li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista. Filfatt, il-membri tal-kumitat ivvotaw b’mod unanimu f’mozzjoni u qablu li Delia u t-tmexxija tal-Partit fosthom is-segretarju ġenerali Clyde Puli u l-kap tal-midja tal-Partit Nazzjonalista Pierre Portelli għandhom jirrizenjaw.
Kien il-President tal-Kumitat Nazzjonalista Norvin Spiteri li ppropona li għandhom iressqu mozzjoni dwar il-ġejjieni ta’ Delia fit-tmexxija tal-Partit. Sorsi qrib il-partit nazzjonalista kkonfermaw li Spiteri huwa persuna qrib sew tal-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil. Qal li din il-fazzjoni qiegħda tħeġġeġ lill-kumitati nazzjonalisti sabiex jressqu mozzjoni simili li ssejjaħ għar-riżenja tiegħu mit-tmun tal-partit.
Spiteri huwa wkoll canvaser tal-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola li wkoll ma tarax għajn m’għajn ma’ Delia. Fil-Mosta hemm sens kbir ta’ rabja għal Delia, minħabba li t-tmexxija tiegħu waslet biex l-Partit Nazzjonalista jitlef it-tmexxija tal-kunsill lokali tal-Mosta.
Għaldaqstant, is-sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalulna li l-vot kontra Delia mill-kumitat tal-Mosta, ġej ukoll minħabba rabja li hemm għal Delia li bil-mod kif aġixxa m’għen xejn biex il-Partit Nazzjonalista jżomm il-maġġoranza fil-Kunsill.
Il-vot tal-kumitat kontra Adrian Delia ttieħed l-għada li d-deputati nazzjonalisti taw jumejn ċans lil Delia jara x’se jagħmel u jirriżenja mill-partit.