Bjorn Vassallo ħabbar il-kandidatura tiegħu għall-President tal-Malta Football Association. Vassallo għamel dan uffiċjalment f’artiklu ‘sponsored’ fuq is-sit lovinmalta.
Bjorn Vassallo, li għandu 39 sena, diġa’ serva bħala Kap Eżekuttiv u Segretarju Ġenerali tal-Malta Football Association. Għal xi żmien ħadem ukoll fil-Fifa.
Bjorn Vassallo qal li għalih din hija deċiżjoni importanti u tenna li jemmen li l-kandidatura tiegħu hi waħda b’saħħitha minħabba l-esperjenza li għandu fis-settur tal-futbol.
Din l-elezzjoni mistennija ssir f’Lulju li ġej u kollox jindika li Vassallo mhux se jkun l-uniku kandidat.
Huwa sigriet magħruf li fl-aħħar xhur l-avukat Chris Bonnet, espert fil-liġi sportiva li ħadem ukoll fil-UEFA, kien qed jiltaqa’ regolarment mal-klabbs u lbieraħ nieda l-paġna facebook tiegħu.