Eks ħaddiem tal-Enemalta ammetta li ħa flus biex jinstalla meters tad-dawl imbagħbsa fi djar il-klijenti. L-akkużat, Emanuel Micallef, ġie sospiż minn xogħlu b’mod immedjat wara li nkixef f’sensiela ta’ serq minn meters tad-dawl.
L-investigazzjoni dwar dan il-każ bdiet fl-2014, bil-Qorti tisma’ kif bdew jitqanqlu suspetti fost l-uffiċjali tal-Enemalta li hemm xi meters jaqraw anqas milli suppost. Fost oħrajn instema’ kif meter partikolari li ġie nstallat f’Ħ’Attard, qara 79% anqas meta ġie ttestjat.
Is-supett kiber aktar meta l-inġiniera skoprew li mal-2,00 smart meter inbidlu mingħajr raġuni valida minn żewġ persuni partikolari. Kien hawnhekk li l-Enemalta installat meters oħra fejn kien skopert li wieħed minn dawk li nstalla Micallef kien qed jaqra anqas milli suppost.
11-il persuna ppreżentaw xhieda kontra Micallef u kollha qalu li offrielhom meter li jaqra anqas. Ta’ dan kien talabhom bejn €1,000 u €1,600 kull wieħed. Il-Qorti nnutat li l-akkużat għandu relazzjoni stabbli ma wliedu u qatt ma kellu inwkiet mal-Qorti jew mal-Pulizija ħlief meta darba saq mingħajr liċenzja tal-karozza, meta kien għadu m’għalaqx it-18-il sena.
Huwa kien ikkundannat erba’ snin ħabs sospiżi għal sentejn fejn se jkun ukoll taħt superviżjoni. Micallef kien ordnat iħallas €1,700 fi spejjeż u se jkollu €12,600 kkonfiskati .