Fil-Port Ħieles it-Tnejn filgħaxija daħal għall-ewwel darba fl-istorja marittima tant twila ta’ pajjiżna l-ewwel vapur tal-kontejners li jaħdem bil-gass.
Il-vapur MV Containerships Polar daħal fil-Port Ħieles hekk kif preżenti kien hemm il-Ministru Konrad Mizzi li huwa politikament responsabbli mill-Freeport.
Hekk kif il-pruwa tal-vapur qabdet tofroq l-aħħar ftit mewġ, il-vapur trakka mal-moll u minnufih bdiet il-ħidma biex jitniżżlu xejn inqas minn ħames mija u sittin kontejners.
Dawn il-kontejners tniżżlu b’krejnijiet tal-aħħar teknoloġija hekk kif huma iktar effiċjenti u siguri.
Filfatt dawn il-kontejners u inġenji oħra fil-Port Ħieles kienu parti mill-wieħed u tletin miljun ewro ta’ investiment li għamlet il-Malta Freeport.
Wara li l-vapur daħal, il-Ministru Konrad Mizzi fisser dak li kien għadu kif assista għalih bħala pass importanti li jista’ jwassal biex f’pajjiżna tixxettel industrija ġdida.
Intant dan il-vapur li jaħdem bil-gass LNG huwa t-tieni minn erba’ vapuri li jaħdmu bil-gass li għandha l-kumpanija marittima rinomata CMA CGM.
Vapuri ta’ dan it-tip huma ħbieb tal-ambjent bil-fatti hekk kif il-kubrit li jarmu l-vapuri jonqsu sa massimu ta’ ħamsa u disgħin fil-mija.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Freeport Terminals Alex Montebello saħaq li l-mira tal-kumpanija hija li sas-sena elfejn u tnejn u għoxrin, għoxrin vapur li jaħdmu bl-LNG jidħlu fil-Port Ħieles.
Dan hekk kif il-Freeport ta’ Malta jaqdi diversi rotot kummerċjali u jgħaqqad xogħlu ma’ xejn inqas minn mija u ħmistax-il port madwar id-dinja, b’disgħa u ħamsin minnhom fil-Mediterran.