Għat-tieni sena konsekuttiva, il-gżejjer Maltin se jkun qed jara numru ta’ artisti ta’ fama internazzjonali idoqqu għall-festival, Summer Daze Malta.
Ħabbar dan f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi fejn spjega kif dan il-kunċert se jkun qed jittella’ bejn il-ħdax u s-sbatax ta’ Awwissu f’diversi żoni fil-gżejjer Maltin.
Il-festival, li qed jiġi organizzat b’kollaborazzjoni ma’ Creamfields u BBC Radio 1 Dance, se jkun qed jara lid-duo The Martinez Brothers fil-ħdax ta’ Awwissu.
Intant l-avvenimenti prinċipali se jkunu qed jittellgħu fl-aħħar jumejn tal-festival fil-grawnd ta’ Ta’ Qali.
Għal dan il-festival, fost l-artisti ta’ fama internazzjonali nsibu lil David Guetta, Tyga, James Arthur, Danny Howard, Alle Farben, Tenishia fost oħrajn – bid-dħul għaż-żewġ avvenimenti ewlenin se jkun totalment b’xejn.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal kif wara s-suċċess li kiseb dan il-festival is-sena li għaddiet, il-Gvern għażel li jappoġġja għal darb’oħra dan il-festival li jikkumplimenta l-kalendarju Malti.
Il-Minsitru Konrad Mizzi qal kif “Summer Daze s-sena l-oħra kien suċċess. Kien festival li erbgħa u sittin fil-mija ta’ dawk li attendew kienu barranin, turisti. Għaldaqstant ilħaqna l-mira tagħna fuq promozzjoni fuq barra minn malta. Apparti dan kollu l-maltin gawdew minnu wkoll u wara l-feedback tajjeb li rċevejna tas-sena li għaddiet, iddeċidejna li nwessgħu dan il-festival, għal wieħed ta’ ġimgħa sħiħa, b’line up ferm aħjar, nippromovuh barra minn malta u jerġa’ jsir fil-ġimgħa ta’ awwissu.”
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità għat-Turiżmu, Gavin Gulia laqa’ din l-aħbar pożittiva fejn qal kif avvenimenti bħal dawn ikomplu jagħtu spinta lir-reputazzjoni ta’ Malta fil-qasam tat-turiżmu fid-dinja tal-festivals.