Nicole Vella ta’ 19-il sena mir-Rabat Malta hija r-rebbieħa għal Miss World Malta.
Dan wara li ntgħażlet biex tirrapreżenta lil Malta waqt serata finali li saret fi Pjazza Teatru Rjal is-Sibt filgħaxija.
Waqt l-avveniment ħadu sehem 26 kontestanta li minnhom intagħzlu 12-il finalista. Fl-istess serata dawn il-finalisti niżlu għal 5 fejn kull mudella wasslet messaġġ b’suġġetti varji.
One News iltaqa’ ma’ Nicole Vella li fil-ftit minuti li tkellimna magħha, stajna nindunaw kemm hi tfajla umli u b’simpatija li rnexxielha tisraq il-qlub tal-ġurija.
Magħna hija saħqet li kienet esperjenza indimentikabbli u li ma kinitx qed tistenna li tirbaħ dan il-konkors hi:
“Ifhem dak il-ħin ħafna emozzjonijiet f’daqqa għax ma kontx qed nistenna li nirbaħ jien ovvjament…Il-kontestanti kollha kienu bellezza u kulħadd għamel l-almu tiegħu u nħossni vera ferħana li għandi dan l-unur li se nirrapreżenta lil Malta fit-Tajlandja f’Novembru li ġej.”
Din kienet it-23 edizzjoni ta’ dan il-konkors tas-sbuħija taħt id-direzzjoni ta’ Sue Rossi u Claudia Calleja.
Issa jmiss li jibdew il-praparamenti għal Novembru li ġej fosthom tħejjijiet ta’ lbies differenti u anke t-turija tat-talent tal-mudelli; xi ħaġa li hija naturali għal Nicole tant li għandha l-għażla bejn żfin jew kant; żewġ oqsma li hija kapaċi fihom it-tnejn.
“Bħala preparazzjonijiet naħsbu għall-ħwejjeġ, x’ħa nilbes…imbagħad hemm is-settur tat-talent naraw x’ħa nagħmlu jew kant jew żfin, għadni ma nafx x’ħa nagħmel…bħala preparazzjonijiet dawk li hemm għax hu ‘it’s a month long festival’ u jkun hemm ħafna attivitajiet li jseħħu hemmhekk imbagħad.”
Il-finali ta’ Miss World ser issir aktar tard din is-sena fit-Tajlandja fejn se jiġi iċċelebrat id-69 anniversarju mill-bidu ta’ Miss World. Bħal snin oħra din is-sena se jieħdu sehem 150 pajjiż minn madwar id-dinja kollha fosthom Malta u l-ispettaklu ser ikun segwit minn 2.5 biljun telespettaturi.
Awguri Nicole. Awguri Malta.