Din il-ġimgħa l-Kummissjoni Ewropea ħarġet dawk magħrufa bħala country specific recommendations, li għal darb’oħra ġabu fix-xejn kritika tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Mhux biss għax Malta hi fost l-inqas pajjiżi li għandhom rakkomandazzjonijiet, iżda iktar minn hekk għax ir-rapport jitkellem dwar oqsma li jikkampanja ħafna dwarhom il-Partit Nazzjonalista, fosthom it-taxxa u l-ġudikatura.
Artiklu li deher fuq il-gazzetta Kullħadd, innota li kontra l-propaganda ta’ dawk li jgħidu li pajjiżna mhux jimxi mar-rakkomandazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet Ewropej, fil-country specific recommendations jingħad li Malta ħadet passi meħtieġa.
Biex nużaw kliem ir-rapport:
“Malta has taken measures against aggressive tax planning.”
Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea tinnota r-riformi favur il-ġudikatura u tiddeskrivihom bħala “aimed at continuing to improve the independence of the judiciary and the justice system.”
Dwar l-FIAU, il-Kummissjoni qalet li ż-żieda li din għamlet fir-riżors uman u baġitarju wasslet għal tisħiħ fl-operat tagħha, kif ukoll għal qafas leġislattiv aktar b’saħħtu. Tant li r-rapport iżid jgħid li hemm sforz kontinwu kontra l-korruzzjoni, u hemm progress biex jissaħħaħ il-qafas kontra l-ħasil tal-flus.
Il-gazzetta żżid tinnota li fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista fejn pajjiżna kien ikollu ferm iktar rakkomandazzjonijiet. Qabel il-bidla fl-amministrazzjoni, il-Kummisjoni Ewropea kienet għamlet sitt country specific recommendations għal pajjiżna.
Il-Kullħadd iżżid tirrapporta li huma biss id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja u r-Renju Unit li għandhom anqas country specific recommendations minn pajjiżna.
Għat-tielet sena konsekuttiva, għall-kuntrarju tas-snin kollha qabel l-2017, pajjiżna reġa’ ma ngħatax rakkomandazzjoni fuq id-defiċit.
B’mod differenti ħafna issa l-Kummisjoni qed tbassar li pajjiżna se jirreġistra surplus strutturali fil-finanzi pubbliċi. L-esperti tal-Kummissjoni qed ibassru li sal-2022 d-dejn nazzjonali se jinżel għal 33% tal-ġid nazzjonali.
Dan meta f’Marzu 2013 il-piż tad-dejn kien 71%. Filwaqt li tinnota t-titjib fil-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni tinnota l-miżuri li ttieħdu biex jiżdiedu l-pensjonijiet.
Kienu nnutati b’mod pożittiv ukoll ir-riformi li seħħew fis-settur tas-saħħa, kif ukoll il-fatt li r-rata ta’ impjiegi f’pajjiżna issa qabżet il-medja Ewropea.