Ix-xemx tiżreġ ma qatgħet qalb xejn dilettanti tal-ispararar li jiffrekkwentaw ix-shooting range ta’ Ħal Far biex b’kollaborazzjoni mal-MDH Istrina fundraising committee jinġabru fondi għall-Istrina ta’ din is-sena.
Dan grazzi għal kompetizzjoni informali tal-isparar li bdiet il-Ħadd filgħodu u damet għaddejja sa tard waranofsinhar. Din kienet ir-raba’ darba li l-Kumitat fi ħdan l-isptar Mater Dei u x-shooting range ta’ Ħal Far ikkollaboraw flimkien biex jinġabru fondi b’risq l-Istrina f’Diċembru li ġej.
Sa’ kmieni l-Ħadd waranofsinhar kienu diġà nġabru aktar minn elf ewro fondi għal dan il-għan.
Aktar tard tul il-jum il-President George Vella żar il-kompetizzjoni u ltaqa ma’ wħud mid-dilettanti. Huwa rringrazzja liż-żewġ organizzazzjonijiet tal-impenn li juru kull sena għall-Istrina u għal min hu fil-bżonn, filwaqt li qassam numru ta’ midalji lill-parteċipanti fi tmiem l-isparatura għall-Istrina.