Bħala parti mix-xogħol tagħha, il-Kummissjoni Ewropea, toħroġ rapport ġenerali imbagħad rapport fuq kull pajjiż biex tagħti parir lil dak il-pajjiż x’għandu jagħmel. M’humiex pariri li jorbtu imma huma rakkomandazzjonijiet li jkunu pjuttost b’saħħithom.
“Matul is-snin, pajjiżna dejjem kellu numru ġmielu ta’ rakkomandazzjonijiet… Illum ‘il ġurnata, dawn waqgħu għal tlieta. Ħafna drabi l-KE mhux qegħda tirrepeti r-rakkomandazzjonijiet jiġifieri nkunu aġixxejna dwarhom,” fisser il-Prim Ministru f’intervista li saret fuq ONE Radio.
Iżda, wara kollox, ikollok affarijiet illi wara li tgħidhom il-Kummissjoni Ewropea, inti mhux bilfors taċċettahom u tagħmel argumentazzjoni bil-kontra tagħhom.
Eżempju ta’ rakkomandazzjoni li saret kemm taħt Gvern Nazzjonalista kif ukoll taħt Gvern Laburista huwa meta saret rakkomandazzjoni mill-KE li ma tibqax tingħata ż-żieda għall-għoli tal-ħajja għax qalu li hija inflazzjonarja minnha nnifisha. Kemm il-Gvern ta’ qabel, kif ukoll dan il-Gvern kienu għamlu l-argumentazzjoni li l-analiżi tal-KE dwar iż-żieda għall-għoli tal-ħajja ma kinitx korretta fil-fehma tagħna. Biż-żmien, l-Unjoni Ewropea fehmet l-argument u ma baqgħetx tagħmel dik ir-rakkomandazzjoni.
Il-Prim Ministru spejga kif “bl-istess mod, issa hemm l-istess rakkomandazzjonijiet dwar is-sistema tat-taxxa. M’għamluhomx lilna biss, għax aħna xi kultant isir l-iżball li meta naraw rapporti bħal dawn, naraw l-index, naraw x’hemm miktub Malta u naqraw biss il-biċċa ta’ Malta… L-ewwel ma nara l-biċċa ta’ Malta imma mbagħad naqra l-kumplament tar-rapport għax trid tieħu l-kuntest kollu.”
Apparti Malta, kien hemm pajjiżi oħra bħall-Olanda, Lussemburgu, Ċipru u numru ta’ pajjiżi oħra li qalulhom l-istess affarijiet. Il-pajjiżi kollha li għamlulhom dawn ir-rakkomandazzjonijiet irreaġixxew bl-istess mod illi rreaġixxiet Malta.
Il-Prim Ministru spjega li meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar ma qalitx lil Malta biex tibdel is-sistema ta’ taxxa.
“Jiġifieri jekk ma kinitx problema meta dħalna fl-Unjoni Ewropea, m’għandhiex tkun problema issa.”