F’intervista mal-gazzetta KullĦadd il-Maġġur Josef Mizzi Staff Officer 2 fil-fergħa Training and Capabilities, fi ħdan l-HQ AFM beda billi sostna li tul dawn l-aħħar snin, il-Gvern Malti investa miljuni kbar ta’ ewro f’apparat u makkinarju għall-Forzi Armati ta’ Malta.
Dan it-tip ta’ investiment huwa fundamentali biex il-FAM tkun f’pożizzjoni li taqdi dmirijietha b’mod professjonali u sigur kemm f’Malta kif ukoll ’il bogħod minn xtutna. Il-Maġġur itenni: “Li jsir investiment fl-apparat huwa biss pass wieħed. B’mod parallel ma’ dan irid ikun hemm investiment qawwi fir-riżorsi umani u fit-taħriġ tagħhom.” Huwa għalhekk li l-FAM tinvesti mijiet t’eluf ta’ewro f’korsijiet u taħriġ kemm f’Malta stess kif ukoll f’pajjiżi oħra. Il-membri kollha tal-FAM, wara li jkunu għamlu r-reklutaġġ, jibdew jitħarrġu f’setturi speċifiċi.
Dan it-taħriġ jikkwalifikahom għat-Trades li bihom ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom fis-sezzjonijiet li jkunu ser jingħaqdu magħhom. Is-sistema tat-Trades hija sistema ħajja. L-iżvilupp mgħaġġel fit-teknologija jitlob li dawn itTrades jiġu riveduti tul iż-żmien u l-kontenut tagħhom jinbidel skont il-ħtiġijiet. Għal dan ilgħan, il-Maġġur Mizzi sostna li l-FAM fetħet il-Capabilities and Training Branch. Din il-fergħa hija inkarigata mill-ippjanar u t-taħriġ ta’ kull membru tul il-karriera kollha tiegħu. Uħud mill-membri tal-FAM jispeċjalizzaw fi Trades tekniċi. Dawn is-suldati nsibuhom iservu primarjament fl-Iskwadra Marittima kif ukoll fl-Iskwadra tal-Ajru.
Dan it-tip ta’ taħriġ jingħata lokalment permezz ta’ korsijiet organizzati mill-FAM stess kif ukoll ġewwa istituzz jonijiet edukattivi Maltin bħallMCAST u n-Nautical School. Taħriġ ieħor aktar speċifiku jingħata fi skejjel jew akkademji barranin. Tul iż-żmien, il-FAM iffirmat diversi ftehimiet ma’ Forzi Armati barranin biex jintbagħtu suldati Maltin ħalli jitħarrġu fis-setturi speċifiċi tagħhom. Uħud mit-tekniċi kkwalifikati fit-trade ta’ Aircraft Technician inkarigati mill-manutenzjoni tal-ajruplani u l-ħelikopters tal-FAM jattendu korsijiet intensivi ġewwa l-Italja.
Dan it-taħriġ jinkludi taħriġ fuq ix-xogħol ma’ tekniċi Taljani għal periodu ta’ żmien. Dan it-taħriġ jagħti l-opportunità lis-suldati Maltin li josservaw metodi ta’ xogħol differenti kif ukoll jakkwistaw esperjenza li lokalment ma tkunx daqshekk faċli li jagħmluha. Suldati li jiddeċiedu li jingħaqdu mal-Iskwadra Maritima jingħataw l-opportunità li jispeċjalizzaw fi Trades tekniċi relatati mal-manutenzjoni u t-tħaddim tal-magni kif ukoll l-apparat tekniku tal-laneċ. Bl-introduzzjoni ta’ laneċ ġodda f’dawn l-aħħar snin, ix-xogħol u r-responsabbiltajiet ta’ dawn is-suldati żdied b’mod sostanzjali. It-Trade ta’ Engine Diver Class 3 huwa l-ewwel pass għal dawk li jridu jaqbdu din it-triq.
Dan il-kors jiġi organizzat b’mod konġunt mill-FAM kif ukoll mill-MCAST. Dawn it-tekniċi huma fundamentali tant li mingħajr Engine Driver kwalifikat abbord, l-ebda lanċa tal-FAM ma tista’ ssalpa. Wara li jkun ġab l-esperjenza neċessarja, suldat kwalifikat bħala Engine Diver Class 3 ikollu l-opportunità li jattendi l-kors ta’ Engine Diver Class 2 u eventwalment dak ta’ Engineer Class 1. Dawn it-Trades suċċessivi jġibu magħhom dmirijiet u responsabbiltajiet maġġuri. Bħalma huwa fil-każ ta’ suldat ikkwalifikat fit-Trade ta’ Engineer Class 1, wieħed mid-dmirijiet tiegħu huwa li jħarreġ lil dawk is-suldati ġodda li jkunu qegħdin jagħmlu l-kors ta’ Engine Driver Class 3. Trade oħra li nsibu kemm fl-Iskwadra Marittima kif ukoll fl-Iskwarda tal-Ajru hija dik ta’ Rescue Swimmer. Din it-Trade partikulari, bħat-trade ta’ Engine Driver, għandha tliet livelli. F’dawn l-aħħar erba’ snin il-FAM bdiet tibgħat suldati li jagħmlu dan ix-xogħol u li waslu biex jitilgħu għall-livell ta’ Rescue Swimmer Class 1 ġewwa l-Amerka biex jagħmlu l-kors ta’ Rescue Swimmer mal-Gwardja tal-Kosta Amerikana.
Mal-gazzetta KullĦadd il-Maġġur sostna: “Dan il-kors huwa partikolarment iebes u jirrikjedi dedikazzjoni u impenn massimu iżda sal-lum, kull suldat Malti li attenda dan it-taħriġ ikkwalifika minn ta’ quddiem tal-kors tiegħu.” Li suldat jikkwalifika fi Trade partikolari u jkompli jistudja u jitħarreġ huwa importanti mhux biss għall-FAM iżda wkoll għas-suċċess fil-karriera tal-istess suldat. “Huwa għalhekk li l-FAM tagħmel dak kollu possibbli biex tagħti l-opportunità lil kull membru tagħha li jakkwista ħiliet, iżommhom u jipperfezzjonahom. Li tkun suldat mhux sempliċi xogħol iżda vokazzjoni,” jisħaq il-Maġġur Josef Mizzi. L-Engine Driver, l-Aircraft Technician, ir-Rescue Swimmer kif ukoll oħrajn bħalhom, ħafna drabi joperaw f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u periklu fejn ċerti deċiżjonijiet iridu jittieħdu f’qasir żmien u deċiżjoni ħażina jaf ikollha riperkussjonijiet gravi.
Huwa f’dawn il-mumenti li tispikka l-importanza tat-taħriġ u preparazzjoni li jkunu ħadu sa minn l-ewwel ġurnata tar-reklutaġġ tagħhom.