Il-ġrajja tas-Sette Giugno 100 sena ilu ġiet imfakkra saħansitra fin-naħa l-oħra tad-dinja.
Kien id-deputat Hugh McDermott li fil-Parlament tal-Istat ta’ New South Wales fl-Awstralja tkellem dwar kif fl-ewwel gwerra dinjija l-Maltin kellhom irwol kruċjali.
Madanakollu kellhom iħallsu prezz għoli hekk kif it-tmiem tal-gwerra ġab perjodu ta’ għaks, bil-Maltin imutu bil-ġuħ. Qal li r-risposta tal-ħakkiem Brittaniku kienet li jkompli jagħmel il-ħajja iebsa ferm għall-Maltin.
Fakkar kif wara sekli u millenja ta’ ħakma mill-barrani, il-poplu Malti xeba’ u beda t-triq diffiċli li jieħu rajh f’idejh.
Id-deputat tal-Partit Laburista Awstraljan McDermott sellem il-memorja tal-erba’ persuni Maltin li nqatlu, fejn sejħilhom martri.