Il-kandidat Nazzjonalista Kevin Cutajar se jiġi co-opted fil-Parlament wara li f’laqgħa oħra tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, ikkontesta waħdu biex jimla’ s-siġġu parlamentari li tbattal minn David Stellini fuq it-tlettax-il distrett.
Il-votazzjoni kellha ssir mill-ġdid wara li fi tmiem il-laqgħa tas-Sibt li għadda, l-ex president tal-partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut allega irregolarijiet fil-votazzjoni. Allegazzjonjiet li wasslu lil Jean Pierre Debono biex iċedi s-siġġu li kien rebaħ b’żewġ voti fuq Kevin Cutajar.
Tul il-ġimgħa l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia prova jagħmel minn kollox biex Cutajar ma jieħux is-siġġu parlamentari għax ġej mill-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busutti.
Malli ħareġ mill-bieb tad-Dar Ċentrali, Kevin Cutajar qal li l-Partit Nazzjonalista mmexxi min Adrian Delia għamel xi ħaġa sew, għax is-siġġu kellu jibqa’ għand Għawdex.
“Illum għamel dik il-ħaġa li hi sew. Kif kont għidt jien is-siġġu ta’ Għawdex u s-siġġu jibqa’ għandi Għawdxi,” qal Cutajar.
Sal-aħħar minuta, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli dar fuq tliet kandidati li kkontestaw l-elezzjonijiet tal-elfejn u sbatax fuq id-distrett ta’ Għawdex, sabiex jikkontestaw lil Cutajar, iżda kollha rrifjutaw.
Qabel ma daħal għal-laqgħa, Adrian Delia qal li Puli għamel dawn it-tentattivi bil-barka tiegħu.
Malli l-kandidat Għawdxi Joseph Ellis kixef il-manuvri ta’ Puli fuq facebook, id-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi qal li huwa għajb li hemm min ħalef li jkompli jkisser u akkuża lill-fazzjoni ta’ Delia b’suppervja u pika għax qal li baqgħet ma tridx taċċetta lil Cutajar.
Mistoqsi mill-ġurnalisti jgħid għaliex il-Partit Nazzjonalista beda jħeġġeġ kandidati oħra biex jikkontestaw lil Cutajar, Adrian Delia qal li dan huwa kollu passat.
B’reazzjoni għall-co-option ta’ Cutajar fil-Parlament, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista deher skomdu għall-aħħar ħdejn Cutajar ma jafx x’se jaqbad jagħmel.
Min-naħa l-oħra d-deputati mill-fazzjoni tal-eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil, inkluż hu, marru minnufih fuq Facebook jifirħu li għaddiet tagħhom u mhux ta’ Adrian Delia.
Simon Busuttil kiteb li l-ebda ostaklu ma waqqaf lil Cutajar.
Chris Said qal li rebaħ is-sens komun u issa Cutajar se jiġi co-opted fil-Parlament.
Karol Aquilina li kien l-ewwel wieħed li mar fuq Facebook jgħid li s-siġġu għandu jmur għandu cutajar u mhux għand Jean Pierre Debono qal li s-sewwa jirbaħ żgur. (SCREENSHOT KAROL)
Filwaqt li Jason Azzopardi sostna li din kienet ġurnata storika.
Min-naħa tiegħu, Beppe Fenech Adami li l-ġimgħa l-oħra ġie akkużat min Delia li qed ixerred il-mibegħda, ta merħba lil dak li sejjaħ bħala ħabib tiegħu fil-Parlament biex fi kliemhom għanhom issa suldat ieħor fil-fazzjoni ta’ Busuttil.