Studenti Maltin li jattendu f’bosta skejjel primarji u sekondarji kisbu t-tieni post f’kompetizzjoni internazzjonali tal-Matematika magħrufa bl-isem Supertmatik Mental Maths Challenge.
Fil-kompetizzjoni ħadu sehem aktar minn 257 elf student minn 45 pajjiż.
Stqarrija tal-Ministeru għall-Edukazzjoni qalet li dan kien l-aqwa riżultat li qatt kisbet Malta f’din l-isfida.
Il-Ministeru qal li s-suċċess tal-ambaxxaturi Matin jmur lil hinn mill-kisba ta’ dan ir-riżultat, u ninsabu kburin li studenti Maltin kisbu t-tieni post f’din il-kompetizzjoni prestiġġjuża.
F’din il-kompetizzjoni jieħdu sehem studenti ta’ bejn is-6 snin u l-15-il sena. L-istudenti Maltin ħadu sehem f’waħda minn disa’ kategoriji differenti ta’ din il-kompetizzjoni.
Din il-kompetizzjoni tippromwovi l-interess tal-matematika u tipprovdi lill-istudenti opportunità oħra biex isaħħu l-ħiliet tagħhom fin-numri u l-kalkolazzjonijiet mentali permezz tal-logħob.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni faħħar l-iskejjel kollha li daħħlu għal din il-opportunità, b’mod partikolari lill-għalliema flimkien mas-Senior Leadership Teams u l-edukaturi li taw l-appoġġ tagħhom lill-iskejjel, fosthom il-Maths Support Teachers u lill-Kapijiet tad-Dipartiment tal-Matematika li pprovdew opportunità ta’ tagħlim għall-istudenti.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2019/06/pr191257a.pdf”]