Il-mountain bikers Maltin komplew juru il-kapaċitajiet lil-hinn mill-kosta tagħna, hekk kif fl-aħħar ġimgħat ipparteċipaw fl-għaxar edizzjoni tal-Etna Extreme Marathon ġewwa Sqallija. Riżultat tajjeb miksub minn Marie Claire Aquilina (Team Greens) li rebħet il-kategorija femminili, filwaqt li Patrick Scicluna ħa it-tieni fil-kategorija tiegħu fil-korsa tal-Granfondo.
Il-Maratona Etna Extreme saret f’Nicolosi, belt żgħira li ospitat l-bidu u t-tmiem ta ‘din it-tellieqa. Iċ-ċiklisti Maltin ħadu sehem fil-kategoriji tal-Granfondo (42km) u l-Maratona (60km).
Fil-Maratona, wieħed u disgħin ċiklista kkompetew fit-tellieqa iebsa ta’ 60 kilometru. Wirja impressjonanti minn Marie Claire Aquilina li ddominat it-tellieqa u kisbet distakk tajjeb bejn l-eqreb rivali tagħha Valeria Trupia u Laura Melilli. Iċ-Champion kurrenti tal-Mountain Biking Malti, Maurice Formosa (The Cyclist) ta wirja qawwija biex jieħu t-tieni post fil-Kategorija Master 2. L-għawdxi Brandon Sultana (Gozo Cycling Club) kompla jagħti prestazzjonijiet aktar b’saħħithom u filwaqt li ma rnexxilux jieħu post fuq il-podju, il-ħames post tiegħu fl-iktar kategorija kompetittiva hija waħda li għanda tissemma.
Fil-Kategorija Granfondo ċ-ċiklista veteran Patrick Scicluna, li jtelllaq għall-Klabb FRM Racing Team Sicilia ikkompeta f’kategorija li rat 202 ċiklista jieħdu sehem. Il-prestazzjoni tiegħu ratu jieħu t-tieni post fil-Kategorija tal-Masters 4, b’distakk ta sekonda biss bejnu u bejn ir-rebbieħ. Scicluna kiseb it-13-il post fil-kategorija ġenerali.
B’kollox ħadu sehem ħmistax-il ċiklista Malti – Marie Claire Aquilina, Etienne Bonello, Mark Bonnici, Jeffrey Borg, Domenic Cutajar, Maurice Formosa, Stephen Grima, Justin Gauci, Mark Micallef, Wayne Schembri, Patrick Scicluna, Brandon Sultana, Josef Vella, Mark Zammit u Paul Zarb.
Ritratti: Patrick Scicluna Marie Claire Aquilina.