Nhar il-Ħamis 6 ta’ Ġunju 2019, lejlet festa pubblika, s-Soċjetà Filarmonika Leone A.D. 1863 se tkun qed ittella’ t-tnax-il edizzjoni tal-kunċert spettakolari fl-apert Leone Goes Pop fi Pjazza Indipendenza, il-Belt Victoria ta’ Għawdex.
Fit-tnax-il edizzjoni ta’ dan il-Kunċert, il-Banda Ċittadina Leone, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Colin Attard, se tkun qed toffri spettaklu kbir ta’ mużika pop popolari ta’ diversi deċenji. Dan se jkun bil-parteċipazzjoni tal-kantanti rinomati u stabbiliti Chris Grech, Amber Bondin u Mario Caruana, flimkien mal-kantanti promittenti Għawdxin Sarah Bonnici u Denise Mercieca, flimkien mal-kor residenti tas-Soċjetà Aurora Youth Choir.
Is-Soċjetà dejjem tara li fil-produzzjoniet mużikali li hija tagħmel, toffri spazzju lil żgħażagħ sabiex ikollhom pjattaforma b’saħħitha fejn jesebixxu t-talent tagħhom. Infatti, is-sena l-oħra, fost il-kantanti kien hemm Michela Pace, li ftit xhur wara rebħet l-ewwel edizzjoni ta’ X Factor Malta u rrapreżentat lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest.
Id-dħul għal dan il-kunċert fl-apert huwa bla ħlas, fejn flimkien ma’ ‘l fuq minn elf siġġu għall-udjenza, wieħed jista jiekol fl-apert quddiem l-istabbilimenti fi Pjazza Indipendenza jew inkella fl-outside bars, filwaqt li jsegwi dan l-ispettaklu li jżewwaq l-mużika pop mill-Banda, l-kantanti u spettakli oħrajn ta’ arti performattiva u piroteknika.
Dan il-kunċert qed jittella’ bħala parti mill-programm t’attivitajiet Gozo Pops and Rocks mill-Ministeru għal Għawdex u parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Belt Victoria mill-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria.