L-awtorità tad-djar irċeviet seba’ applikazzjonijiet minn għaqdiet mhux governattivi biex jibbenefikaw mill-fond ta’ nofs miljun ewro li tnieda mill-Gvern b’rabta mal-ewwel programm ta’ Housing speċjalizzat.
Il-programm huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fejn għandu l-għan li jassisti persuni vulnerabbli jibqgħu integrati fis-soċjetà waqt li jirċievu l-għajnuna li għandhom bżonn.
Bord ta’ esperti se jevalwa dawn l-applikazzjonijiet biex fil-jiem li ġejjin jibdew jitwettqu l-ewwel proġetti.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Richmond Foundation, Stephania Dimech, iddeskriviet il-programm bħala opportunità għal dawk bi problemi ta’ saħħa mentali biex jgħixu fil-komunità bis-saħħa ta’ għajnuna speċjalizzata.
“Dan il-programm hu opportunità biex nipprovdu akkomodazzjoni u sapport professjonali biex aktar nies jgħixu fil-komunità b’mod dinjituż.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ St Jeanne Antide Foundation Nora Macelli qalet li l-programm qed jinvolvi lill-għaqdiet mill-ewwel stadju fejn filwaqt li joffru ħafna servizzi, ma jistgħux jgħaqdu kollox f’daqqa għax m’għandhomx akkomodazzjoni.
Macelli qalet dan jista’ jkun possibbli permezz ta’ binja li jmexxu huma stess.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li dan ir-rispons qawwi mill-għaqdiet mhux governattivi jixhed il-ħtieġa li kien hemm għal programm ta’ dan it-tip.
“L-impenn tagħna li naħdmu ma’ nies professjonali fil-qasam soċjali qed tgħin biex din l-inizjattiva ta’ Housing Speċjalizzat tiġi attwata iżda mhux biss tiġi attwata iżda wkoll tiġi implimentata bl-aħjar mod possibbli.”
Żied jgħid li dan il-programm juri l-impenn tal-gvern biex jgħin faxex ta’ persuni li ma jeħtiġux biss akkomodazzjoni iżda appoġġ kontinwu u personalizzat.