L-investigaturi fil-Ġermanja żvelaw li mexxej politiku fil-Ġermanja nqatel b’tir f’rasu minn distanza qasira. Huwa nstab mejjet f’għadira demm il-Ħadd filgħodu fil-ġnien tad-dar tiegħu fil-villaġġ ta’ Istha.
Il-midja internazzjonali qiegħda tirrapporta li l-investigaturi niedew inkjesta kriminali dwar il-mewt ta’ Walter Lübcke li nqatel fl-għomor ta’ 65 sena.
Lübcke li kien jagħmel parti mis-Cdu, għamel 10 snin imexxi l-kunsill reġjonali tal-belt ta’ Kassel.
F’Ottubru ta’ erba’ snin ilu, wara d-deċiżjoni ta’ Angela Merkel li tiftaħ il-fruntieri għall-mijiet ta’ immigranti mill-Iraq u s-Sirja, Luebcke ddefenda l-jeddijiet tar-refuġjati. Konsegwenza ta’ dan huwa safa fil-mira ta’ attivisti tal-lemin estrem.
Il-Pulizija qalet li fuq il-post ma nstabet l-ebda arma u li qed tfittex il-moħħ wara dan l-attakk. Żied jingħad li l-pulizija għad m’għandhiex indikazzjoni ta’ min seta’ wettaq dan il-qtil u l-motiv warajh. Qalet li qed jinvestigaw kull tarf u li m’huma jeskludu xejn.
Lübcke ġie ddikjara mejjet sagħtejn wara l-attakk. Huwa kien miżżewweġ u kellu żewġt itfal.