Il-pressjoni biex Adrian Delia jitlob vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu kompliet tikber. Mal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, ingħaqad l-eks Ministru Nazzjonalista Joe Borg.
F’artiklu f’The Sunday Times, Borg saħaq li Delia għandu jitlob vot ta’ fiduċja fl-interess tal-Partit Nazzjonalista/ u dan saħqu l-għada li Delia rrifjuta t-talba li saritlu.
“Kemm il-darba, Delia jitlef dan il-vot ta’ fiduċja allura huwa għandu jsir Kap caretaker u jiskatta l-proċess biex jintgħażel kap ġdid”, saħaq Joe Borg li mal-ewwel bagħat sinjal li Delia m’għadx għandu postu fil-Partit Nazzjonalista.
“B’hekk biss nistgħu nimxu ‘l quddiem”, ta x’jifhem Joe Borg li kien imexxi l-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista fi żmien li l-Kumitat dwar l-Imġiba Xierqa u Etika ċċensura lill-Kap Nazzjonalista dwar allegazzjonijiet ta’ flus li ġejjin mill-prostituzzjoni.
Joe Borg li taħt Delia ma baqax imexxij l-kummissjoni elettorali, irrimarka li teżisti qasma kbira fil-partit ta’ Delia.
“Ninsab ċert li dawk li s-soltu jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista m’għamlux dan u nqatgħu mill-partit minħabba l-fatt tal-firda”, kiteb Joe Borg.
“Delia ma jistax jibqa’ għaddej qisu xejn m’hu xejn”, żied jgħid Joe Borg li fisser li l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu għaddejjin qisu xejn mhu xejn.
Din l-istess kwotazzjoni użaha Richard Cachia Caruana, l-eks ambaxxatur u konsulent fdat ferm minn Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi.
F’mossa li turi kemm l-establishment Nazzjonalista mhux biss reġa’ tfaċċa imma għadu hemm, Cachia Caruana kompla jitfa’ l-pressjoni fuq it-tmexxija ta’ Delia u qal li quddiem din it-telfa kbira li ġarrab il-Partit Nazzjonalista, jeħtieġ soluzzjonijiet immedjati.
It-Times ħadet ukoll il-kummenti tal-ex editur tagħha Lawrence Grech magħruf għall-appoġġ li dejjem ta lill-Partit Nazzjonalista.
Qal li Delia għandu jirriżenja wara li ġarrab l-akbar telfa elettorali sa mill-elf disa’ mija wieħed u ħamsin.
Huwa attakka wkoll lis-Segretarju Ġenerali clyde Puli meta pprova jbenġel ir-riżultat elettorali tas-Sibt li għadda. Qal li l-ġustifikazzjonijiet li semma għat-telfa elettorali kienu patetiċi u insult għall-intelliġenza tal-votanti nazzjonalisti. (clyde puli jxejjer is-surveys)
Qal li Delia għandu żewġ għażliet… jew jirriżenja jew jitlob vot ta’ fiduċja u jirriżenja xorta jekk dan ma jkunx konvinċenti.
Min-naħa tiegħu l-ex ministru Nazzjonalista Michael Falzon qal li l-Partit Nazzjonalista qed iħabbat wiċċu ma’ dilemma. Qal li f’każ li Adrian Delia jitneħħa minn kap, se tiżdied ir-rabja mill-għeruq li ħatruh kap tal-partit. Fl-istess waqt qal li jekk delia jżomm postu, ikun ifisser aktar rabja fost dawk li ħadmu bla heda kontrih u tilfu.