“F’temp ta’ sagħtejn mid-deċiżjoni oxxena li ħa l-Eżekuttiv Nazzjonalista tajt ir-riżenja tiegħi.”
Dan huwa kliem Herman Farrugia, eks kandidat Nazzjonalista li ħabbar kif irriżenja minn membru mill-Kunsill tal-Kulleġġ tal-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista.
Farrugia saħaq li għamel dan anki b’appoġġ sħiħ lejn Kevin Cutajar li ma ħax is-siġġu parlamentari ta’ David Stellini b’żewġ voti biss.
F’ittra iebsa li kiteb lil President tal-Kulleġġ tal-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista Charles Selvaggi, Farrugia qal li f’mija u erbgħin sena ta’ storja l-Partit Nazzjonalista issa jinsab f’qagħda rrelevanti.
Fl-ittra tar-riżenja qal ukoll li għalissa se jżomm it-tessera tal-Partit f’każ li t-tmexxija tal-partit ikollha d-diċenza u tersaq għal vot ta’ fiduċja.
Dan il-kliem kompla jitfa’ pressjoni fuq Delia biex iwarrab wara li Mark Anthony Sammut irriżenja minn President tal-Eżekuttiv għalkemm hu qal li ma kellu l-ebda sehem fil-kampanja elettorali li waslet għall-ikbar telfa elettorali, xorta ħass li għandu jerfa r-responsbailita politika.
Dan b’botta ċara lejn it-tmexxija tal-Partit fosthom is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.
Dawn l-aħħar żviluppi b’rabta mar-riżenja ta’ Herman Farrugia komplew juru kemm il-firda fil-partit kompliet teskala, b’persuni li ilhom jimmilitaw sew fil-partit u kienu parti minn ħolqa importanti fil-Partit, dik li tħejji l-kandidati Nazzjonalisti, issa m’għadhomx iħossuhom komdi jaħdmu fil-Partit Nazzjonalista.