Il-Gvern biddel id-direzzjoni li konna mdorrijin biha meta fil-budget fil-bidu ta’ leġislatura, il-poplu kien jiġi mgħakkes u fl-aħħar sentejn kienu jinfetħu iżjed l-idejn. Minn din il-leġislatura l-miżuri meqjusa ġenerużi mal-poplu daħħlu fis-seħħ sa mill-ewwel sena. Dwar dan tkellem il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna waqt laqgħa oħra mis-sensiela Gvern li jisma’.
Quddiem sala maħnuqa bin-nies f’Kastilja, il-Ministru Scicluna irrefera għall-aħħar rapport ta’ Standard & Poor’s li jħares b’ottimiżmu lejn il-ġejjieni ta’ pajjiżna. Żied jispjega kif bħala Gvern kien kuraġġuż li jdaħħal miżuri bħal taċ-child care centres b’xejn u t-tneħħija tat-taxxa fuq il-proprjeta’ għall-first time buyers. Il-Ministru qal li dawn il-miżuri u oħrajn swew flejjes kbar iżda taw lura ħafna biex b’hekk komplew jistimulaw l-ekonomija.
Huwa irrefera wkoll għall-BREXIT u qal li hekk kif pajjiżna se jkollna f’idejh il-Presidenza Ewropea, dan hu l-post ideali sabiex isiru d-diskussjonijiet dwar il-kwistjoni tar-Renju Unit. Scicluna tkellem dwar l-isfidi li se jiġu mal-BREXIT fosthom kif pajjiż żgħir bħal tagħna huwa vulnerabbli għar-rati tal-kambju bħat-twaqqigħ fl-isterlina. Iżda l-Ministru qal ukoll li jeżistu opportunitajiet kbar wara r-referendum għat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Semma kif bil-livelli rekord ta’ ħolqien tax-xogħol pajjiżna qed iservi ta’ mudell għall-pajjiżi oħra.
Mistoqsi dwar l-effett tal-Panama Papers fuq is-sistema ekonomika tagħna, il-Ministru Edward Scicluna qal li kien hemm sitwazzjoni fejn pajjiżna kien jista’ jasal fi stat li jitlef il-vantaġġi fiskali iżda b’rieda u ħidma, Malta uriet lill-Unjoni Ewropea li hija kontra kull evażjoni tat-taxxa. Fid-dawl ta’ dan, pajjiżna stabbilixxa ruħu bħala pajjiż li jikkopera iżda fl-istess waqt baqa’ kompetittiv fir-rata tat-taxxa biex jiġu attirati iżjed kumpaniji li jinvestu f’Malta.
Il-Ministru Scicluna semma wkoll l-ħolqien t’Arbitru Finanzjarju li l-għan tiegħu huwa li ċ-ċittadin komuni jieħu ġustizzja fuq każijiet ta’ natura finanzjarja fi żmien qasir. Qal ukoll li bl-introduzzjoni tal-Kunsill Fiskali, il-Gvern huwa kommess li jippreżenta rapporti dwar il-governanza tiegħu kull sitt xhur. B’hekk daħħlu responsabilitajiet ġodda sabiex pajjiżna jimxi b’aktar kontabilita’ favur l-interessi tal-poplu.