It-telfa tal-Partit Nazzjonalista b’distakk ta’ 42,000 vot, l-ikbar mill-Indipendenza lil hawn, f’elezzjoni fejn ħarġu inqas nies jivvutaw minn elezzjonijiet oħra, jagħmel it-tkaxkira ferm ikbar.
Il-fatt li naqsu b’mod kbir il-votanti fid-disa’ u l-għaxar distrett, meqjusin bħala fortizza tal-Partit Nazzjonalista, juri l-Partit Nazzjonalista m’għadux attraenti lanqas għall-partitarji tiegħu.
Iddikjara dan l-editorjal tal-Malta Independent, li qal li l-messaġġ lejn il-Partit Nazzjonalista jmur saħansitra lil hinn minn numri.
Il-fatt li l-inqas minn mitt elf votant Nazzjonalist li ħarġu jivvutaw, għażlu lil Roberta Metsola u David Casa joħroġ fil-beraħ il-qasma fil-partit, ħaġa kkonfermata mill-kummenti li saru fuq il-midja soċjali minn esponenti Nazzjonalisti li huma mill-fazzjoni ta’ kontra Delia, fejn qalu li l-elezzjoni ta’ Metsola u Casa hija daqqa ta’ ħarta għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
L-independent sostniet li din id-dikjarazzjoni hija xhieda ta’ esponenti li qed jieħdu pjaċir jitfgħu l-ħatab fuq in-nar.
Iżda fadal iżjed, qalet l-Independent. Ir-riżenja ta’ David Stellini qajmet iżjed ġlied intern, bin-naħa ta’ Delia jridu li jkun Jean-Pierre Debono li jieħu s-siġġu ta’ Stellini, u bil-fazzjoni ta’ kontra Delia jsostnu li għandu jkun Kevin Cutajar li jokkupa s-siġġu.
Dwar Casa u Metsola, l-independent qalet li m’huwiex biss il-Partit Laburista li jqis li dawn ħadmu kontra l-interessi ta’ Malta.
Li l-ewwel ħaġa li għamel Casa wara li ġie elett kienet li jpoġġi fjuri fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir biex ifakkar lil Daphne Caruana Galizia hija indikazzjoni li se jkompli fejn li ħalla fl-aħħar ħames snin, iddikjara l-editorjal.
Fakkret kif il-fazzjoni ta’ kontra Delia hija magħmula minn ħafna segwaċi ta’ Caruana Galizia.
L-independent iddikjarat ukoll li l-fatt li kemm Casa u Metsola naqsu milli jiltaqgħu mal-President George Vella m’huwiex sinjal sabiħ u juri nuqqas ta’ rispett lejn l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna.
Saħqet ukoll li ma jidhirx li se jagħtu kas il-messaġġ li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat biex l-MEP’s Nazzjonalisti jaħdmu flimkien mal-MEP’s Laburisti.