Għall-Kap Nazzjonalista Adrian Delia it-telfa elettorali kbira li ġarrab il-Partit Nazzjonalista mhux riżultat daqstant diżappuntanti. Delia għamel din id-dikjarazzjoni waqt il-programm Dissett tlett ijiem wara li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minnu ġarrab l-iktar telfa elettorali tant li tilef it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew. Għal Adrian Delia mhuwiex riżultat dizappuntanti li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minnu ġarrab l-ikbar telfa elettorali ta’ 42,600 vot
Iżda l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Pawlu Borg Olivier jaħsibha mod ieħor u malajr fakkru li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minnu tilef bil-kbir l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Pawlu Borg Olivier huwa esponent Nazzjonalista qrib il-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, bl-esponenti mill-fazzjoni qegħdin jaħtfu kull opportunità li tiġihom għal taħt idejhom sabiex imorru fuq il-midja u jikkritikaw lil Adrian Delia.
Meta Pawlu Borg Olivier kien Segretarju Ġenerali, il-Partit Nazzjonalista ġarrab l-ewwel minn sensiela ta’ telfiet kbar mill-2013 ’l hawn. Madankollu Borg Olivier innota li li riżultat tas-Sibt li għadda taħt it-tmexxija ta’ Deli u Puli huwa ferm agħar minn dak tal-2013:
“Jekk tħares ċifri ta’ 42,000, hija l-ikbar daqqa għall-Partit Nazzjonalista. Sfortuntament. Jekk tittrasportaha f’Elezzjoni Ġenerali jista’ jiġi għal 55,000”.
Intant, Adrian Delia qal li ma jridx jagħmel rapport tat-telfa wara li l-Partit Nazzjonalsita tilef bil-kbir l-elezzjoni. Delia kien mistoqsi ukoll dwar l-għemil tal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa li għażlu li ma jilqgħux l-istedina li għamlilhom il-President ta’ Malta George Vella biex jiltaqgħu miegħu wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Casa telaq lejn Brussell it-Tlieta filgħodu, waqt li Metsola kienet għadha Malta fil-ħin li fih saret il-laqgħa mal-Membri Parlamentari Eletti Maltin.
Iżda għal Adrian Delia m’għamlu xejn ta’ disrispett li ma marrux għal-laqgħa mal-President ta’ Malta. Adrian Delia ftit li xejn kien infurmat dwar din il-laqgħa mal-President ta’ Malta. Konferma ta’ kemm Roberta Metsola u David Casa ma jistmawx lil Delia bħala l-Kap tagħhom.