Fil-Bangladesh, sittax-il persuna qed jiġu akkużati bil-qtil xokkanti ta’ tfajla li nħarqet sa ma mietet għax irrapportat każ ta’ fastidju sesswali.
It-tfajla ta’ dsatax-il sena nqatlet fuq il-bejt tal-iskola Iżlamika li kienet tattendi, wara li xi ħadd jew xi wħud tefgħulha l-pitrolju u tawha n-nar.
Il-Kap tal-Iskola – li dwaru kien ir-rapport – huwa fost dawk mixlija bil-qtil taż-żagħżugħa.
Il-Pulizija qed jgħidu li l-Kap tal-Iskola ordna l-qtil tagħha mill-ħabs wara li rrifjutat li tirtira l-akkużi fil-konfront tiegħu. Iddeskrivew il-preparamenti dettaljati għall-qtil makabru bħala pjan militari.
Dan il-każ qanqal protesti tal-massa fil-Bangladesh, u tefa’ dawl fuq il-vulnerabbiltà tal-vittmi ta’ fastidju sesswali fil-pajjiż.