Id-deputat Nazzjonalista David Stellini rrizenja minn deputat Nazzjonalista. Huwa ppreżenta l-ittra tar-riżenja tiegħu lill-Ispeaker Anġlu Farrugia li nqrat fil-Kamra fis-seduta ta’ dalgħodu.
Stellini radd ħajr lil sħabu d-deputati fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra għall-koperazzjoni tagħhom matul dawn l-aħħar sentejn. Huwa rringrazzja wkoll lill-President tal-Kamra u lill-uffiċjali u lill-ħaddiema kollha tal-parlament.
L-iSpeaker awgura lil Stellini dak kollu li tixtieq qalbu fil-futur. Il-Whip tal-Oppożizzjoni, Robert Cutajar, f’isem l-Oppożizzjoni wkoll irringazzja lid-deputat Nazzjonalista tal-ħidma tiegħu fil-grupp parlamentari u fil-Kamra u awguralu għall-futur.
Il-Whip tal-Gvern, Byron Camilleri, qal li għan-naħa tal-gvern u anke hu personali, jħossu imdejjaq li jara “persuna valida ħafna f’din il-Kamra, li kellna relazzjoni eċċellenti miegħu, li naħar li jħoss li għandu l-bżonn li jitlaq mill-Kamra”. Huwa awguralu fix-xogħol tiegħu kemm f’pajjiżna kif ukoll lil hemm minn pajjiżna.
Anġlu Farrugia ngħaqad fil-ħsibijiet tal-gvern u l-oppożizzjoni. Huwa ddeskriva lil Stellini bħala persuna eżemplari.
Stellini ħabbar ir-riżenja tiegħu f’intervista li kellu mal-editur maniġerajli tal-Maltatoday Saviour Balzan. Ir-riżenja tiegħu waslet jumejn biss wara li kkontesta mingħajr suċċess l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-ġimgħa li għaddiet Stellini kkritika lill-ewroparlamemtari Roberta Metsola u David Casa talli fl-aħħar ħames snin fil-Parlament Ewropew ħadmu u vvotaw kontra Malta.
Stellini kien qal li jekk jiġi elett fil-Parlament Ewropew ma kienx se jivvota kontra Malta.