Joseph Ellul ma nstabx ħati li prova joqtol lil Emanuel Brignone.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech instema’ kif l-imputat saq għal fuq il-karozza ta’ Brignone.
Intqal ukoll li Ellul ħareġ b’ħadida għal Brignone.
Fil-Qorti ġie spjegat kif fi stqarrija li ta lil pulizija, Ellul ammetta li kellu xi jgħid ma’ Brignone għaliex skont hu dan tal-aħħar kien qed ibigħ id-droga sintetika lil ibnu.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti sabet lill-imputat ħati li kkaġuna l-ħsara lil karozza ta’ Brignone u għalhekk poġġietu taħt probation għal sentejn.
Fit-trattazzjoni tagħha, il-Qorti qalet li x-xhieda miż-żewġ naħat ma tistax tiġi emmnuta kollha.
Irrimarkat li Brignone kien saħaq li kien bilqiegħda fuq in-naħa tal-passiġier, in-naħa fejn Ellul baqa’ dieħel fiha.
Madankollu l-Qorti wriet id-dubji tagħha dwar dan għaliex skont hi, Brignone aktarx kien qed isuq il-karozza u ħeba l-fatt li għamel dan għaliex ma kienx liċenzjat u taħt polza tal-assikurazzjoni biex isuq karozza li filfatt ma kinitx tiegħu.
Għall-akkużat dehru l-avukati Arthur Azzopardi u Rene Darmanin.