Tifla ta’ 11-il sena u raġel ta’ 39 sena nqatlu f’attakk bis-skieken fil-belt Ġappuniża ta’ Kawasaki t-Tlieta filgħodu. Jidher li r-raġel, li għandu ‘l fuq minn 50 sena, attakka grupp ta’ tfal tal-iskola li dak il-ħin kienu qed jistennew il-karozza tal-linja f’żona residenzjali.
Il-Pulizija Ġappuniża qalet ukoll li r-raġel daħħal sikkina f’għonqu wara li attakka lit-tfal, u eventwalment ċeda għall-ġrieħi serji li ġarrab. Xhieda fuq il-post qalu li raw lir-raġel jiġri għal fuq it-tfal b’żewġt iskieken kbar f’idejh it-tnejn, qabel mat-tifla u r-raġel l-ieħor, li huwa uffiċjal fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Ġappuniż u ġenitur ta’ tifel li kien fost il-folla, spiċċaw minxura mal-art bla ħajja.
Il-Pulizija għadha ma identifikatx lill-aggressur, u għadha ma stabbilietx il-mottiv wara dan l-attakk.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe kkundanna dan l-attakk u esprima rabja kbira lejh.
Ritratt: BBC