L-appoġġ għall-kandidati nisa li kkontestaw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew din is-sena, ttrippla, meta mqabbel mal-istess elezzjoni fl-elfejn u erbatax.
L-ismijiet ta’ nisa fuq il-karta tal-vot f’dawn l-elezzjonijiet żdiedu bi tnejn għal għaxra meta mqabbel mal-elezzjoni ta’ ħames snin ilu.
Għaxar kandidati nisa li bejniethom, fl-ewwel għadd, ġabu aktar minn mija u tnejn u għoxrin elf vot. Kważi t-tripplu, meta mqabbel mat-tlieta u erbgħin elf vot li ġabu bejniethom it-tmien kandidati nisa fl-elezzjoni tal-elfejn u erbatax.
Din is-sena kienu t-tlieta, il-kandidati nisa li ġew eletti: Miriam Dalli u Josianne Cutajar f’isem il-Partit Laburista, u Roberta Metsola f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Fl-elfejn u erbatax kienu ġew eletti erbgħa nisa: Miriam Dalli u Marlene Mizzi, u Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia.
Fl-elezzjoni tal-elfejn u disgħa, ġiet eletta Claudette Abela Baldacchino.
Din is-sena, Miriam Dalli kienet l-iktar kandidata tal-Partit Laburista li kisbet appoġġ mill-votanti.
Fl-ewwel għadd, hija ġabet aktar minn tlieta u sittin elf vot. Kważi t-tripplu meta mqabbel mat-tlieta u għoxrin elf vot li ġabet fl-elfejn u erbatax.
Il-kandidata l-oħra mara eletta tal-Partit Laburista, Josianne Cutajar – li kienet l-iżgħar kandidata u l-ewwel waħda Għawdxija fl-istorja tal-pajjiż, kisbet ħmistax-il elf u sitt mitt vot.
Min-naħa l-oħra, Roberta Metsola kisbet sitt elef vot iżjed minn kemm kienet ġabet fl-elezzjoni tal-elfejn u erbatax.
Biex issa li nofs il-kandidati eletti Maltin fil-Parlament Ewropew huma nisa, l-appoġġ li kisbu mill-elettorat Malti f’din l-elezzjoni, huwa d-doppju minn dak li kisbu l-kandidati eletti rġiel.
Filfatt, Miriam Dalli, Josianne Cutajar u Roberta Metsola, bejniethom kisbu aktar minn mija u sbatax-il elf vot. Filwaqt li Alfred Sant, Alex Agius Saliba u David Casa kisbu bejniethom ħamsa u sittin elf vot.