Is-sitwazzjoni fil-Libja – b’mod partikolari fi Tripli – tinkwetana, kemm minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħna kif ukoll minħabba r-relazzjoni tagħna mal-pajjiż.
Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat meta t-Tnejn waranofsinhar laqa’ lill-Prim Ministru Libjan Fayez al-Sarraj f’Kastilja.
Dr. Muscat qal li jqis lil-Libjani bħala ħbieb kbar jekk mhux familja, u għaldaqstant qed isegwi mill-qrib dak li qed jiġri fil-Libja.
Assigurah li dejjem se jsib lil Malta lesta li toffri kull għajnuna meħtieġa biex ikunu assigurati l-paċi u l-prosperità fil-pajjiż.
Lid-delegazzjoni Libjana, il Prim Ministru Joseph Muscat qalilha li din l-għajnuna mwiegħda minnu hija obbligu u ta’ prijorità fuq l-aġenda internazzjonali.
Il-Prim Ministru Libjan qal li qed iqis iż-żjara tiegħu f’pajjiżna bħala opportunità importanti biex iwassal it-tħassib tiegħu dwar l-impatt negattiv li qed tħalli s-sitwazzjoni fi Tripli.
Qal lill-Prim Ministru Malti li qed iħares ‘il quddiem li jiddiskuti miegħu mezzi li bihom jistgħu jgħelbu din is-sitwazzjoni u jaħdmu iktar flimkien.