Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għalqet is-sena 2017 b’surplus ta’ sitt miljun ewro. Fondi li marru għal proġetti ġodda u tal-ogħla livell biex dejjem tkompli titjieb il-kwalità tal-ilma li jasal fid-djarna.
Il-Kap Eżekuttiv tal-korporazzjoni, Richard Bilocca, spjega li t-tnaqqis fin-nefqa tal-Korporazzjoni fil-proċess kien grazzi għal tibdil fil-mod kif il-korporazzjoni tipproċessa l-ilma qabel ma dan jasal fil-vitin tad-djar tagħna.
“Għaxra, anke għoxrin sena ilu, biex nipproduċu elf litru konna nużaw 10KW/H. Illum għall-istess ammont nużaw 2.8KW/H. Qed inkomplu nsaħħu l-capacity tagħna u ntejbu s-servizz tagħna.”
Is-Sur Bilocca spjega li b’din is-sistema, l-ammont ta’ ilma li qabel kien jinħela fil-proċess biex jitwassal fid-djar, naqas drastikament.
“Rajna fejn kien jintilef l-ilma u fejn naħlu l-enerġija. Għaliex inti jekk jista’ jkollok sistema li taħli anqas dawl, kważi kważi tkun qed taħli jekk ma tmurx għaliha, allura aħna qed ninvestu biex intejbu s-servizz u l-kwalità u l-effiċjenza tagħna.”
U allura, dawn is-sitt miljuni, fejn qed imorru?
“Qed imorru dirett għand in-nies f’investiment. Aħna l-ħin kollu nirriġeneraw l-infrastruttura mhux biss biex nilqgħu l-isfidi imma biex intejbu l-prodott. Jekk aħna jirnexxielna nwasslu ilma aħjar għand in-nies se titjieb il-kwalità tal-ħajja.”
Fuq kollox il-fondi li ġemmgħet il-korporazzjoni qed imorru f’proġetti ewlenin madwar il-pajjiż, bħal dak tal-mina li se tgħaqqad lil Pembroke ma’ Ta’ Qali biex twassal l-ilma f’kull lokalità tal-pajjiż.
Proġett ta’ tlieta u tletin miljun ewro, li t-tlestija tiegħu se tkun tfisser li kull dar f’Malta u Għawdex jaslilha ilma b’togħma tajba għax-xorb.
Is-Sur Bilocca spjega li l-ilma li jasal fid-djar bħalissa diġà huwa sigur għax-xorb, iżda ħafna jilmentaw mit-togħma.
“Se tintuża sistema ta’ pajipijiet ġodda biex l-ilma pur jibqa’ pur sal-ġibjun u l-ġebla jeħodha mill-ilma tal-pjan. Fattur ieħor li jaffettwa t-togħma hija l-imluħa fl-ilma tal-pjan. Dan se jitħallat ma’ ħafna ilma tar-Reverse Osmosis u l-imluħa se tonqos bin-nofs. Din se tagħmel bidla drastika fit-togħma li se tasal għand in-nies.”