Ingħata l-ħelsien mill-arrest sewwieq żagħżugħ li pprova jsuq fuq pulizija mara l-Ħadd li għadda f’Bormla.
Kurt David Azzopardi, ta’ tmintax-il sena minn Ħal Qormi, ġie arrestat it-Tnejn li għadda wieġeb mhux ħati li prova jikkaġuna ġrieħi serji, li wettaq offiża kontra uffiċjal tal-pulizija, li falla milli jobdi l-ordnijiet leġittimi tal-pulizija u b’sewqan perikoluż.
Dan fl-istess waqt li kien akkużat ukoll li kiser il-liberta proviżorja li ingħata x-xahar li għadda.
Fix-xhieda tagħha l-Ħamis, l-pulizija xehdet li s-sewqan perikoluż taż-żgħażugħ kważi kkawża ħabta ma’ karozza tal-pulizija.
F’manuvra ta’ malajr, iż-żagħżugħ żied l-ispeed b’tali mod li darab lill-pulizija hekk kif sieqha nqabdet mit-tyre tal-karozza tiegħu.
Il-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit tat il-ħelsien mill-arrest lil Azzopardi fuq garanzija personali ta’ għaxart elef ewro, filwaqt li ġie ordnat jiffirma kuljum fl-għassa tal-pulizija u li ma jistax joħroġ mid-dar bejn id-disgħa ta’ filgħaxija u s-sebgħa ta’ filgħodu.
Huwa ġie ordnat ukoll biex ma jsuq l-ebda vettura.