F’kunċert mill- Kumitat Ċentrali tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp flimkien mal-Kummissjonijiet ġimagħtejn qabel il-festa, inġabru €18,320 għal Dar Bjorn. F’dan il-Kunċert ħadu sehem artisti Maltin u kif ukoll dawk barranin, fejn id-dħul għal dan kien bla ħlas, iżda fil-bieb intlaqgħu donazzjonijiet biex jgħinu lil Dar Bjorn.
Intant Il-volontiera kollha fi ħdan l-Għaqda Mużikali San Ġużepp saqħu li huma jemmnu bis-sħiħ li attivitajiet simili li jiġbru fondi għal għaqdiet bħalma hi ALS Malta, huma essenzjali fis-soċjetà li qed ngħixu fiha. Għaqdiet bħal dawn li jgħinu nies li sfortunatament ħakmithom xi marda, jiġu bżonn ammonti kbar ta’ flus biex ikomplu jmexxu id-djar tagħhom.
Issa ħidmet l-Għaqda Mużikali San Gużepp ser iddur fuq l-organiżżazzjoni tal-festa, fejn din is-sena qiegħed jiġi ċċelebrat bi kbir il-100 Anniversarju mit-twaqqif tal-kamra tan-Nar San Gużepp ta’ Ħal Għaxaq. Fost iċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru matul il-ġimgħa, nhar l-Erbgħa 29 ta’ Mejju ser jittella’ spettaklu mill- Versatile Brass Band li magħhom se jkollhom mistiedna lil Ira Losco. Dan l-anniversarju jilħaq il-qofol tiegħu nhar is-Sibt 1 ta’ Ġunju bl-ispettaklu tan-nar Flames Of Fire. L-Għaqda Mużikali San Gużepp tistieden lil kulħadd jżur ir-raħal ta’ Ħal Għaxaq f’dawn il-jiem.