F’lukanda ewlenija f’San Ġiljan bdiet tittella’ it-tieni edizzjoni tal-Malta Blockchain & AI Summit. Laqgħa ta’ livell dinji fejn mal-ħamest elef persuna, bejn professjonisti u akkademiċi fil-qasam tal-blockchain setgħu jaraw il-passi li kompla jieħu pajjiżna f’dan is-settur fl-aħħar xhur.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri saħaq li dak li wiegħed pajjiżna fl-aħħar xhur qed jitwettaq. Semma kif minn Novembru li għadda wara li daħlu fis-seħħ it-tliet liġijiet relatati mal-qasam tal-blockchain, beda perjodu ta’ sena sabiex mat-800 kumpanija tal-blockchain jibdew jinnotifikaw lill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji bl-interess tagħhom li joperaw f’Malta.
Schembri spjega kif fl-aħħar sentejn il-gvern ma waqafx fuq il-blockchain iżda beda jaħseb f’setturi innovattivi oħra bħall-inizjattiva dwar l-ispazju u l-istrateġija mħabbra l-bieraħ dwar l-eSports.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta kienet l-ewwel pajjiż li daħħlet qafas regolatorju għas settur tal blockchain. Dr Muscat spjega li fl-aħħar ġimgħat l-MFSA u l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali bdew jagħtu l-ewwel liċenzji lil individwi f’dan il-qasam bħal virtual financial asset agents u awdituri virtwali.
Dan qed iwassal għal interess ikbar f’pajjiżna minn kumpaniji tal-blockchain.
Saħaq iżda li l-pass li jmiss f’din it-triq ta’ innovazjoni diġitali hija l-intelliġenza artifiċjali. Semma l-istrateġija dwar l-inteliġenza artifiċjali fejn qal li din se twassal biex jinħolqu servizzi li llum il-ġurnata għadna ma ħlomniex bihom.
Il-Prim Ministru temm jgħid li pajjiżna se jkun fuq quddiem li jixpruna d-dħul ta’ teknoloġija mhux biss għall-Maltin iżda għall-Ewropa kollha.