B’investiment ta’ żewġ miljun ewro Fondi Ewropej, mal-ħamest elef u erba’ mitt bidwi se jingħataw għajnuna ta’ konsulenza dwar kif l-aħjar jaċċessaw Fondi Ewropej.
Imsejjaħ Farm Advisory Services, dan il-proġett permanenti se jaħdem b’mod ħolistiku biex il-bdiewa joperaw b’konformità sħiħa mal-obbligi kollha mitluba mill-Unjoni Ewropea.
Dan fost l-oħrajn fejn jidħlu liġijiet li jirrigwardjaw l-iġene tal-irziezet, il-benessere tal-annimali, il-protezzjoni tal-ilma mit-tniġġis u l-osservazzjoni tal-liġi tal-pestiċidi.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri nnota li l-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin se jkunu qed jingħataw pariri serji biex jiffaċilitaw problemi burokratiċi li jistgħu jiltaqgħu magħhom.
Spjega kif “Dan is-servizz se jiġi mniedi pero se jkun ukoll permanenti. Se jibqa’ hemmhekk biex kemm jista’ jkun ngħinu lill-bdiewa tagħna biex they overcome il-proċess burokratiku li xi kultant Fondi Ewropej iġibu magħhom.”
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia nnota li dawn iż-żewġ miljuni huma biss ftit minn għexieren ta’ miljuni ta’ Fondi Ewropej iddedikati għas-settur tal-agrikoltura.
Qal li “Fl-aħħar seba’ snin se nkunu tajna lill-bdiewa madwar 130 miljun ewro ta’ Fondi Ewropej li qed imorru f’ħitan tas-sejjieħ allura aċċess aħjar għall-bdiewa u r-raħħala, ilma u użu ta’ secondary water, agrikoltura u mezzi bħalma huma sheds, irziezet ġodda u għajnuna wkoll f’makkinarju.”
Dan flimkien ma’ Fondi Ewropej investiti f’taħriġ għal bdiewa żgħażagħ li jixtiequ jidħlu fis-settur; f’xhieda ta’ kemm il-qasam tal-biedja huwa importanti għal dan il-Gvern.