Grazzi għal investiment kbir li qed isir fil-laboratorji tal-Isptar Mater Dei testijiet li qabel kienu jieħdu xhur biex jinħadmu issa qed jieħdu biss ftit sigħat.
F’konferenza tal-aħbarijiet minn wieħed mill-laboratorji mgħammar bl-aħħar teknoloġija li taħdem bl-intelligenza artifiċjali Dr Chris Barbara li jmexxi dan id-dipartiment spjega kif fejn qabel test tat-tuberkulożi kien jieħu tliet xhur sakemm jiġi kkultivat u ssir dijanjosi issa dan qed jieħu biss siegħa. Testijiet oħra bħal tal-gastroenteritis issa qed jieħu biss sagħtejn meta qabel kien idum tliet ijiem.
Dr Barbara spjega wkoll kif Malta daħlet f’network Ewropew u minn hemhekk qed inpoġġu data ta mikrobi fl-avvalenament u naraw il-prodott minn fejn origina.
Minn naħa tiegħu l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fakkar kif meta jkollok dewmien biex joħroġ riżultat l-pazjent ikollu jistenna aktar biex jibda trattament u fil-passat kien hemm istanzi li pazjent rċieva trattament mhux adattat għal infezzjoni li jkollu. Spjega wkoll kif qabel ċerti testijiet kienu jintbagħtu barra mill-pajjiż issa dawn qed jinħadmu kollha f’pajjiżna.
Din it-teknoloġija avvanzata qed tiswa lill-Isptar Mater Dei madwar miljun ewro fis-sena madankollu ġie spjegat kif il-magni ġew kollha leased mill-kumpaniji internazzjonali u l-Gvern iħallas ta’ kull test li jkun qed isir. Dan huwa ta’ benefiċċju hekk kif bis-saħħa t’hekk il-magni jiġu mantenuti regulari u jinbidlu b’xejn mill-aġent ġaladarba joħorġu magni ġodda.